Futbol Sport

Chelsea jiksbu draw f’Anfield minkejja li lagħbu t-tieni taqsima b’raġel inqas

(Ritratt: EPA)

F’Anfield Chelsea kisbu draw importanti kontra Liverpool minkejja li lagħbu t-tieni taqsima kollha bi plejer anqas. Kienu Chelsea li marru fil-vantaġġ kmieni fil-partita, proprju fit-22 minuta, meta minn corner ta’ Reece James kien Kai Havertz li b’daqqa ta ras preċiża qabbeż minn fuq Alisson Bekcer għal 1-0. Madanakollu Chelsea spiċċaw jilagħbu bi plejer anqas fil-ħin mogħti żejjed fi tmiem l-ewwel taqsima, meta wara indeċiżjoni fid-difiża ta‘ Chelsea, Reece James deher imiss il-ballun b’idu fuq il-linja, bir-referee, wara konsultazzjoni mal-VAR, jagħti penalty lil Liverpool u jkeċċi lil Reece James. Mill-ħdax –il metru l-attakkant prolifiku Mohammed Salah ma żbaljax għal 1-1. Fit-tieni taqsima minkejja l-pressjoni qawwija ta’ Liverpool, Benjamin Mendy flimkien mad-difiża ta’ Chelsea irnexxielhom jiddefendu dan ir-riżultat hekk importanti għat-tim immexxi minn Thomas Tuchel.

Fl-Etihad Stadium iċ-champions attwali Man City umiljaw bl-aktar mod faċli lil Arsenal meta għelbuhom bl-iskor ta’ 5-0. Din it-telfa kienet tfisser li Arsenal baqgħu mingħajr punti wara tliet partiti dan l-istaġun fejn ma skurjaw l-ebda gowl, bil-pressjoni fuq il-coach Mikel Arteta kull ma jmur tkompli tiżdied. Man City marru fil-vantaġġ fis-7 minuta meta minn cross minn fuq il-lemin ta’ Gabriel Jesus kien Ikay Gundogan li b’daqqa ta’ ras għeleb lil Bernd Leno għal 1-0. Man City rdoppjaw ħames minuti wara meta kien Ferran Torres li tefa’ ġewwa mill-viċin wara nuqqas fid-difiża ta’ Arsenal. It-tim minn Londra spiċċaw jilagħbu bi plejer inqas meta Granit Xhaka kien muri l-karta ħamra wara daħla perikoluża fuq Joao Cancelo fil-35 minuta, b’ Gabriel Jesus jiskorja t-tielet gowl żewġ minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima wara azzjoni ta’ Jack Grealish.

Fit-tieni taqsima Man City komplew jiddominaw biex fil-53 kien Rodri li b’xutt mid-distanza għeleb lil Leno għar-raba’ gowl. Is-citizens skorjaw il-ħames gowl fl-84 minuta meta kien għal darb’oħra Ferran Torres li kkonkluda fil-lasta u ta t-tieni rebħa konsekuttiva ta’ 5-0 lil Man City dan l-istaġun.

F’Saint James’ Park, Newcastle u Southampton temmew fi draw ta’ 2-2 wara tmiem drammatiku għall-aħħar. Kien Callum Wilson li fetaħ l-iskor għal Newcastle fit-tieni taqsima b’daqqa ta’ ras, biex fl-74 minuta kien Mohamed Elyounoussi li rreaġixxa l-ewwel, wara li x-xutt ta’ Freddie Woodman kien salvat mill-goalkeeper ta’ Southampton. Allan Saint Maxim tefa’ lil Newcastle fil-vantaġġ fid-90 minuta f’dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa, iżda fis-96 minuta Jamaal Lascelles waqqa’ lil Adam Armstrong fil-kaxxa, bir-referee jordna penalty. Mill-ħdax-il metru James Ward Prowse ma żbaljax biex salva punt għal Southampton.

F’Annex Stadium Everton kisbu t-tieni rebħa tagħhom dan l-istaġun meta barra minn darhom għelbu lil Brighton bl-iskor ta’ 2-0. Everton marru fil-vantaġġ fil-41 minuta meta kien Demarai Gray li wara azzjoni personali ikkonkluda fil-lasta għal 1-0. Biex 58 minuta Domenic Calvert Lewin rdoppja għal Everton mill-ħdax-il metru, biex ta l-ewwel rebħa lil Everton għand Brighton sa mill-1983.

Crystal Palace waqqfu l-bidu brillanti ta’ West Ham wara żewġ rebħiet, hekk kif temmew fi draw ta’ 2-2. West Ham marru fil-vantaġġ fid-39 minuta meta wara li bidel il-ballun ma’ Michael Antonio, Pablo Fornals ikkonkluda ġewwa għal 1-0. Crystal Palace irrispondew fit-58 minuta meta kien Connor Gallagher li approfitta minn żball ta’ Angelo Ogbonna u għeleb lil Lukasz Fabianski. Madanakollu West Ham reġgħu ħadu l-vantaġġ għaxar minuti wara, meta kien l-aqwa skorer tal-club Michael Antonio li skorja l-50 gowl tiegħu mal-Hammers. Iżda Crystal Palace irreaġixxew mill-ewwel hekk kiif 42 sekonda wara kisbu l-gowl tad-draw meta għal darb’oħra kien Connor Gallagher li għeleb lil Fabianski, bil-partita tintemm fi draw.

Leicester kellhom jitħabtu biex għelbu lin-neo promossi Norwich barra minn darhom bl-iskor ta’ 2-1. Leicester marru fil-vantaġġ fit-8 minuta permezz tal-attakkant prolifiku Jamie Vardy, b’ Teemu Pukki jikseb il-gowl tad-draw għal Norwich fl-44 mintua mill-ħdax-il metru, wara li Caglar Soyuncu kien aġġudikat li waqqa’ lil Pierre Lees-Melou fil-kaxxa. Madanakollu Leicester skorja il-gowl tar-rebħa fis-76 minuta permezz ta’ Marc Albrighton.

Aston Villa kienu miżmuma f’darhom minn Brentford fi draw ta’ 1-1. Brentford marru fil-vantaġġ fis-7 minuta meta kien l-attakkant tagħhom Ivan Toney li skorja l-ewwel gowl tiegħu fil-Premier League. Madanakollu ħames minuti wara, kien l-akkwist ta’ Aston Villa Emil Buendia li b’xutt bid-dawra kiseb il-gowl tad-draw, bl-ewwel gowl tiegħu għal-club il-ġdid.

Ilum Man City v Arsenal 5-0, Newcastle v Southampton 2-2, Brighton v Everton 0-2, West Ham v C’Palace 2-2, Norwich v Leicester 1-2, Aston Villa v Brentford 1-1, Liverpool v Chelsea 1-1, Għada Burnley v Leeds 3 .00pm, Tottenham v Watford 3.00pm, Wolves v Man Utd 5.30pm