Ambjent Lokali

Il-ġirien ta’ Abela jkomplu jipprotestaw kontra l-Marina

“No Marina!”. Dan hu l-messaġġ ta’ rabja espress mir-residenti ta’ Marsaskala, hekk kif bħala protesta kontra l-iżvilupp tal-Marina, dendlu banners mal-galleriji tagħhom b’dan il-messaġġ ċar.

Konferma oħra ta’ kemm il-proġett tal-Yacht Marina li qed iħejji l-Gvern ta’ Robert Abela ma niżilx tajjeb mar-residenti, li se jispiċċaw jitilfu l-Bajja pittoreska ta’ Marsaskala.

Residenti Skalin li tkellmu ma’ NET News, bil-kundizzjoni li jibqgħu anonimi, qalu b’mod sarkastiku li qed jittamaw li l-Prim Ministru ma jkunx l-ewwel wieħed li jorbot il-jott tiegħu ladarba tinbena din il-marina privata.

L-għada ta’ protesta organizzata mir-residenti u diversi organizzazzjonijiet, din il-protesta siekta tas-Sibt filgħodu qed issir ftit metri bogħod mir-residenza privata tal-Prim Ministru Robert Abela.

Proġett ieħor li juri kemm, minkejja l-oġġezzjoni ta’ kulħadd, il-Gvern ta’ Robert Abela xorta se jibqa’ għaddej bħal romblu fuq ir-residenti Skalin, li saħansitra huma ġirien tiegħu.