Lokali

Il-PN jappoġġja l-moviment ta’ residenti u attivisti kontra l-pjani tal-Gvern għal marina f’Marsaskala

Bosta esponenti tal-Partit Nazzjonalista kienu mar-residenti u attivisti lbieraħ f’għajta waħda kontra Gvern li jrid jgħaddi romblu minn fuq ir-residenti, negozji fiz-zona li jiddependu mill-Bajja għal-għajxien tagħhom, sidien ta’ dgħajjes u l-ambjent naturali tal-Bajja sabiħa ta’ Marsaskala.

Fi stqarrija f’isem il-Kelliem għat-Trasport Toni Bezzina u l-Minority Leader f’Marsaskala John Baptist Camilleri, il-Partit Nazzjonalista fakkar kif il-Ministru Ian Borg baqa’ jiddefendi l-ħruġ ta’ tender biex jibda l-proġett ta’ marina qabel ma saret l-ebda konsultazzjoni mar-residenti u l-ebda studju tal-impatt ta’ dan il-proġett sproporzjonat.

Barra minhekk, biex jagħmel sfreġju mill-Bajja ta’ Marsascala, qed iġib l-iskuża li l-Maltin qed jixtru aktar dgħajjes: Jaf il-Ministru li diġà hemm 530 dgħajsa irreġistrata fil-Bajja ta’ Marsaskala? Possibbli, biex jagħmel spazju għal 170 dgħajsa oħra, il-Gvern lest li jġib l-interessi tal-ftit qabel l-interessi tal-Iskalin u tar-residenti tal-madwar? Jista’ l-Gvern ikun onest mal-poplu u jiddikajara fil-miftuħ x’inhuma l-interessi veri tiegħu?

Gvern ġdid Nazzjonalista immexxi minn Bernard Grech se jtemm darba għal dejjem dan l-approċċ dilettantesk u arroganti tal-Gvern Laburista. Gvern ġdid Nazzjonalista jimpenja ruħu li kull proġett infrastrutturali li jinvolvi awtoritajiet pubbliċi u spazji pubbliċi jkunu soġġetti għal studju serju tal-impatt ambjentali, ekonomiku u fuq is-soċjetá wara li ssir konsultazjzoni wiesgħa u onesta mal-komunitajiet lokali u man-negozji kollha affettwati, temmet tgħid l-istqarrija.