Lokali

“Is-sajjieda Maltin qed jerġgħu jinsterqu min sajjieda barranin u mhux qed isibu l-wens tal-Gvern li jista’ jipproteġihom” – PN

“Is-sajjieda Maltin jaqilgħu l-ħobża ta’ kuljum tagħhom primarjament mll-istaġun tal-lampuki u sajd ieħor staġjonali.

Wara pressjoni mill-Partit Nazzjonalista li l-esponenti tiegħu tkellmu wkoll mal-Kummissjoni Ewropea għal għajnuna minn patrol boats Ewropej, il-Gvern is-sena l-oħra wiegħed li jkun hemm sorveljar taz-zoni tas-sajd affettwati. Beda staġun ieħor u s-sajjieda qed jirrapportaw l-istess problemi u mhux qed jaraw preżenza tal-forzi armati u lanqas qed iħossu l-ebda wens mill-Gvern meta dawn jirrapportaw sajd illegali.”

Dan ħareġ minn stqarrija mill-Kelliem għall-Agrikoltura, Sajd u n-Negozji ż-Żgħar, Edwin Vassallo u l-Kelliem għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u ċ-Ċittadinanza, Beppe Fenech Adami f’isem il-Partit Nazzjonalista fejn komplew jgħid li l-Gvern jeħtieġ jinvoka s-setgħat tiegħu fil-kuntest tal-Konvenzjoni Internazzjonali tas-Sajd fil-Mediterran u jara li pajjiżi oħra jagħmlu infurzar kif meħtieġ fuq opri tal-baħar reġistrati magħhom.

Il-veritá hi li illum dan l-għixien tas-sajjieda Maltin u Għawdxin huwa kontinwament mhedded minn sajjieda barranin li jistadu llegalment f ‘ibħra Maltin u dan b’detriment kbir għall-għixien tas-sajjieda tagħna.

Il-gvern issa ilu snin jwiegħed li ser jipproteġi lis-sajjieda Maltin anke bl-assistenza ta’ opri marittimi tal-Forzi Armati ta’ Malta.

Iżda llum jirriżulta li dawn il-wegħdi qatt ma ssarfu u llum, għal staġun ieħor l-għixien tas-sajjieda tagħna jinsab mhedded.

L-oppożizzjoni Nazzjonalista tinsisti u tappella lill-Gvern sabiex mill-Kliem u wegħdi fierghha jgħaddi għall-fatti.

Is-sajjieda tagħna ħaqqhom l-protezzjoni kollha li jixirqilhom u dan anke sabiex  jżommu u ħajja din l-industrija tant importanti għal pajjiżna.