Lokali

It-tattiċi ta’ aħbarijiet foloz huma inkwetanti – Bernard Grech

Hu inkwetanti li naraw żieda fit-tattiċi ta’ aħbarijiet foloz immirati biex iħawdu l-imħuħ tal-votanti, speċjalment hekk kif qed noqorbu lejn elezzjoni ġenerali. Il-ġurnaliżmu hu essenzjali għad-demokrazija u kull attentat intenzjonat biex jimminah għandu jiġi miġġieled bil-qawwa.

Hekk kiteb il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech fuq Facebook wara li din il-ġimgħa kien hemm diversi attentati mill-media Laburista biex jiskreditaw u jħammġu lil diversi eks priġunieri b’fake news.

Bernard Grech kompla li irrelevanti min hu wara dawn it-tattiċi, il-Gvern u l-Oppożizzjoni għandhom jingħaqdu biex jiżguraw li l-Pulizija jkollha r-rizorsi kollha meħtieġa biex tiġġieled din il-forma ta’ cybercrime. Hu stieden lil Robert Abela għal diskussjoni dwar kif jistgħu jissaħħu l-Liġijiet u r-riżorsi tal-Pulizija ħalli jkunu indirizzati kwistjonijiet bħal dawn qabel l-elezzjoni li ġejja.

L-istrateġijja li qed timmina id-demokrazija u li qed jirreferi għaliha Bernard Grech f’dan il-messaġġ hi s-sistema riċenti fi ħdan il-Partit Laburista u l-media ta’ Robert Abela biex tħammeġ lil kull min ma jaqbielx mal-i‘status quo‘ ta’ Governanza Labursita, bħalma qed jagħmlu diversi priġunieri li ltaqgħu din il-ġimgħa ma’ NET News ħalli jiżvelaw is-sitwazzjoni diżastruża li jinsab fiha l-Ħabs minħabba d-Direttur Alex Dalli.

Madankollu, wieħed jieqaf jaħseb, jekk is-suċċessur ta’ Joseph Muscat hux se jilqa’ l-istedina tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech biex ma tkompliex tikkrolla d-demokrazija ta’ pajjiżna.

Tags