Lokali

Jitneħħew seba’ siġar maturi minn Skate Park; il-perit jgħid li l-manutenzjoni kienet issalvahom

Fl-aħħar jiem ġew innotati li seba’ siġar maturi li kienu jagħtu ftit dell madwar lis-Skate Park tal-Imsida għal snin sħaħ, inqalgħu minn posthom… biż-żona tneżżgħat mill-ftit ħdura li kien hemm.

Infrastructure Malta saħqet li dawn is-siġar tneħħew hekk kif ikkawżaw il-ħsarat fil-pajpijiet tal-ilma.

Madanakollu, il-perit li kien ħadem fuq Skate Park, Ivan Coleiro qal li s-sistema kienet saret għal tal-apposta lura fl-2008, b’Infrastructure Malta kulma riedet tieħu ħsieb huwa li tagħmel manutenzjoni regolari. Iżda jidher li fl-aħaħr 13-il sena ma saret l-ebda tip ta’ manutenzjoni, b’riżultat li dawn is-siġar tħallew jagħmlu ħsara li setgħet tiġi evitata faċilment.

Il-perit saħaq li l-manutenzjoni fil-pajpijiet kienet importanti ferm li ssir kull sena biex jassiguraw li xejn ma jiżgumbra t-toqob li saru għal tal-apposta biex is-sistema taħdem kif suppost. Jidher li t-tindif tal-pajpijiet jikkonsisti biss billi jgħaddi l-ilma mill-pajpijiet biex il-ħmieġ li jkun weħel fihom joħroġ.