Lokali

“Kampanja mill-media Laburista biex jiddefendu lid-Direttur tal-Ħabs”

“Għaddejja kampanja biex jiddefendu kemm jistgħu lid-Direttur tal-Ħabs, il-Kurunell Alex Dalli, u t-tmexxija krudili tiegħu fil-Faċilità. U fl-istess waqt jiskreditaw lil min qed jipprova juri verament x’qed jiġri fil-Faċilità Vendikattiva ta’ Kordin.”

Kliem l-Opinjonista Peppi Azzopardi meta mistoqsi minn NET News dwar il-Fake News mill-media Laburista dwar intervista esklussiva ma’ eks Ħabsi li xandar NET News fil-jiem li għaddew.

Il-Kamra tal-Aħbarijiet tal-Partit Laburista implikat b’mod qarrieqi li NET News intervista lil Jordan Azzopardi, li riċentament ħareġ fuq bail, filwaqt li fakkret fl-akkużi serji li dan iż-żagħżugħ qed jiffaċċja.

Madankollu, din ma kienet xejn ħlief fake news, akkumpanjata minn ritratti li juru b’mod ċar li ż-żewġ persuni huma totalment differenti.

Peppi Azzopardi mhux l-uniku li jemmen li din il-mossa tal-media Laburista saret f’tentattiv mill-Partit ta’ Robert Abela biex il-ħabsin jintefgħu f’dell ikrah, filwaqt li tingħata difiża lid-Direttur tal-Ħabs.
Fil-fatt, dan is-sentiment ħareġ fl-aħħar sigħat f’diversi reazzjonijiet fuq il-mezzi soċjali għal din il-fake news tal-media Laburista.

Min-naħa l-oħra, l-opinjonista jtenni li s-sitwazzjoni ma tistax tibqa’ kif inhi għax inkella, inkunu qed nirriskjaw li jkollna mwiet oħrajn.

Hu rrakkonta kif omm l-aħħar vittma tal-Faċilità, wara li dan ingħata l-Aħħar Tislima, marret quddiem il-Ħabs u weħħlet nota mal-ħadid b’appell biex it-tmexxija tal-Faċilità tiġihom kuxjenza u ma jħallux aktar nies imutu.

Fuq kollox, Peppi Azzopardi faħħar il-kuraġġ tal-eks ħabsin li qed jitkellmu għax qal li dan il-pass jista’ jipperikolalhom ħajjithom f’kas li dawn jerġgħu jispiċċaw il-Ħabs.