Lokali

L-IĠM “jikkundanna bl-akbar qawwa” lill-media ta’ Robert Abela

Storja oħra mill-One li kienet biss 'fake news' straordinarja

Kundanna ċara għall-media Laburista mill-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin wara l-fake news li ġiet ippubblikata fuq il-website tagħhom, meta provaw jikxfu l-identità ta’ persuna – eks priġunier – li ġie intervistat minn Net News.

Il-kundanna tal-IĠM waslet wara ilment formali li għamel Net News, bl-IĠM jgħid li dan il-ġurnaliżmu mhux etiku huwa kundannabbli.

“L-IĠM iħoss li l-One mhux biss poġġew lill-ġurnalist ta’ Net News u lill-eks priġunier f’periklu, imma imminaw ix-xogħol tal-ġurnalisti. Dan għaliex issa, is-sorsi jistgħu joqgħodu lura milli jitkellmu”.

Il-fake news tal-One kienet storja għal kollox ivvintata li provat tħawwad l-identità ta’ persuna ma’ persuna oħra.

Din il-fake news kienet ippubblikata bħala parti mill-istrateġija ta’ Kastilja biex jiddefendu lill-Kurunell Alex Dalli u l-klikka żgħira ta’ madwaru.

L-IĠM ikkundanna bil-qawwa kollha din l-imġieba mhux etika.