Rapport: Stewart Said
Sentejn ilu, kien tħabbar li Niki Lanzon se jtemm il-karriera. Fortunatament għad-dilettanti tal-waterpolo, ftit ġimgħat wara, Valletta kkonvinċewh li jibqa’ jilgħab u l-karriera tiegħu twalet b’sentejn biex se jkun qed jirtira fl-età ta’ kważi 41 sena.
“Naqra dieqa dejjem tħossha għax din hi logħba li trabbejt fiha, logħba li nħobb ħafna ovvjament, jiġifieri xi naqra dieqa dejjem ħa jkollok. Però, I think it’s the right time for me to stop issa biex nieħu ħsieb naqra ġismi wara dawn is-snin kollha,” qal Lanzon ma’ dan is-sit.
Din is-sena bejn l-Enemed Cup u l-istaġun tas-sajf, Lanzon skorja 22 gowl. L-aħħar logħba tiegħu kienet is-Sibt li għadda kontra Marsaskala hekk kif fost il-ġimgħa ma kienx inkluż fit-tim Belti minħabba li jinsab imweġġa’. “Kienet deċiżjoni tiegħi. L-injuries jibdew jiżdiedu, għandi naqra problemi bi spallti, però kuntent li għamilt dawn is-sentejn u nawgura lil Valletta għall-futur.”
Niki Lanzon hu meqjus leġġenda tal-waterpolo lokali. Hu lagħab għal 24 sena ma’ Neptunes u stabbilixxa ruħu bħala punt ta’ riferiment fit-tim u wieħed mill-aqwa plejers taż-żmien tiegħu. Lanzon Ifforma parti mill-aqwa żmien fl-istorja ta’ Neptunes b’rebħ ta’ għaxar kampjonati li ħamsa minnhom kienu konsekuttivi bejn l-2010 u l-2014, sitt darbiet in-knock-out, disa’ darbiet it-Tazza tal-President, tmien darbiet il-Kampjonat tax-Xitwa.
B’mod personali hu rebaħ darbtejn il-Plejer tas-Sena tal-ASA fl-2001 u fl-2004 u kien il-captain tat-tim Malti li kkwalifika għall-Kampjonat Ewropew li sar f’Belgrad fl-2016 fejn wara dan it-tournament kien iddeċieda li jirtira mit-tim nazzjonali wara karriera twila ma’ Malta.
Lanzon diġà hu kowċ fis-settur taż-żgħażagħ ta’ Neptunes u jittama li fil-futur ikollu karriera bħala kowċ ukoll. Żgur li jekk juri l-istess impenn kif wera bħala plejer, Lanzon jista’ jkollu futur sabiħ bħala kowċ ukoll.
//= $special ?>