Sport Waterpolo

San Ġiljan u Neptunes se jġeddu r-rivalità fil-finali tan-knock-out

Rapport: Stewart Said

SLIEMA FRANK SALT…………. 10

SAN ĠILJAN MERCURY……… 12

(2-3), (2-3), (1-3), (5-3)

San Ġiljan Mercury Towers jinsabu pass bogħod milli jirbħu n-knock-out tal-Kampjonat Premier għas-sitt darba fl-aħħar seba’ snin. Rebħa kontra Sliema Frank Salt li kollox ma’ kollox kienet meritata.

Minkejja li sfaw megħluba, is-Slimiżi ma ħarġux telliefa mingħajr ma taw dak kollu li setgħu. Primarjament, il-plejers Slimiżi kienu għajjiena fiżikament hekk kif kienu biss 10 plejers minħabba n-nuqqas ta’ Jerome Gabaretta u Benji Cachia.

San Ġiljan kellhom vantaġġ ta’ 3-1 fl-ewwel sessjoni b’gowls ta’ Mattias Ortoleva, Darren Zammit u Dino Zammit. Mark Meli naqqas id-distakk u Sliema saħansitra dawru r-riżultat għal 4-3 favurihom. Reazzjoni b’saħħitha minn San Ġiljan li reġgħu ħadu s-soppravvent minn Dino Zammit u doppjetta ta’ Ben Plumpton għal vantaġġ ta’ 6-4 fi tmiem it-tieni sessjoni.

Sliema kellhom ċans li jnaqqsu d-distakk fil-bidu tat-tielet sessjoni iżda Ryan Coleiro salva penalty. Għalkemm l-għajja bdiet tagħmel tagħha, Sliema qasmu l-logħob mal-avversarji. Madankollu doppjetta ta’ Jake Bonavia kabbret id-distakk għal 8-4, liema distakk baqa’ l-istess sal-bidu tal-aħħar sessjoni.

Is-Slimiżi għamlu l-aħħar sforz u naqqsu d-distakk għal 10-9, b’Liam Galea jiskorja doppjetta fost l-oħrajn. Kien għad jonqos żewġ minuti u nofs iżda t-tama Slimiża damet ftit għaliex Dino Zammit reġa’ skorja mill-ewwel. Galea reġa’ naqqas id-distakk sakemm Darren Zammit issiġilla r-rebħa lejn it-tmiem.

Sliema: N. Grixti, L. Galea (4), M. Meli (1), N. Schiavone, M. Mifsud (1), J. Brownrigg (2), J. Gambin (1), Z. Mizzi (1), N. Bugelli, Z. Sciberras

San Ġiljan: R. Coleiro, D. Zahra, A. Galea, D. Fero, R. Caruana, M. Zammit, B. Plumpton (2), J. Bonavia (2), D. Ciantar, Da. Zammit (2), K. Galea, Di. Zammit (4), G. Vassallo, M. Ortoleva (2), D. Tully

Referees: Ronnie Spiteri, Luca Bianco

NEPTUNES………………………….. 12

M’SKALA FISH AND FISH…… 6

(5-0), (1-1), (3-2), (3-3)

Neptunes jinsabu b’ċans li jirbħu t-tliet unuri tal-istaġun hekk kif jinsabu fil-finali tan-knock-out tal-Kampjonat Premier. Ir-rebħa mhix sorpriża iżda meta jikkunsidra d-differenza fit-timijiet, Marsaskala rnexxielhom iżommu d-distakk baxx kemm jista’ jkun.

Tislima speċjali lill-captain ta’ Marsaskala Liam Grixti li ddeċieda li jirtira wara karriera ta’ snin twal ma’ Marsaskala, klabb li miegħu rebaħ diversi unuri b’mod partikolari fl-Ewwel Diviżjoni.

Dak li seħħ fl-ewwel sessjoni, ikkomprometta l-andament tal-kumplament tal-logħba. Neptunes skorjaw ħames darbiet mingħajr risposta permezz ta’ Jordan Camilleri, doppjetta ta’ Stevie Camilleri, Sam Gialanze u Jake Muscat.

Fil-kumplament tal-logħba, Neptunes setgħu jikkontrollaw mingħajr diffikultà, b’Marsaskala jingħataw iċ-ċans li jtejbu l-prestazzjoni tagħhom. Paul Privitera naqqas id-distakk fit-tieni sessjoni sakemm Jeremy Abela daħħalhom jistrieħu 6-1.

Il-vantaġġ ta’ Neptunes żdied għal 9-3 b’Jake Muscat u Sam Gialanze jiskorjaw fl-aħħar minuta u nofs tas-sessjoni biex aċċertaw mir-rebħa. Fl-aħħar sessjoni, Marsaskala pruvaw darbtejn inaqqsu d-distakk iżda Neptunes wieġbu mill-ewwel. Alec Fenech skorja t-tieni gowl personali b’Jake Ciantar inaqqas id-distakk minn man-up.

Neptunes: A. Borg Cole, J. Muscat (2), L. Calleja, J. Cachia, M. Castillo, J. Spiteri Staines, S. Camilleri (3), J. Camilleri (1), J. Abela (2), M. Spiteri Staines, A. Fenech (2), S. Gialanze (2), A. Bugeja, M. Farrugia, R. Galea

Marsaskala: J. Micallef, J.C. Cutajar, P. Privitera (3), G. Sammut (1), L. Grixti, K. Navarro, M. Manara, S. Micallef, L. Felice, J. Ciantar (2), M. Carani, A. Muscat, G. Galea, D. Camilleri

Referees: Peter Balzan, Attilio Paoletti