Kurżitajiet Lokali

Studju xjentifiku jgħid li l-kafè jista’ jnaqqas ir-riskju tal-mard

Jekk tħobb dak l-espresso jew capuccino, hemm aħbarijiet sbieħ għalik.

Studju xjentifiku ġdid qed juri li l-kafè għandu benefiċji li jmorru lil hinn minn dik it-tikka spinta li jtik filgħodu kmieni biex tiġi f’tiegħek.

Filfatt dan l-istudju jgħid li l-kafè jista’ jgħin inaqqas ir-riskju ta’ puplesija kif ukoll ta’ mard tal-qalb.

Dan huwa l-akbar studju xjentifiku li sar dwar il-benefiċji ta’ din ix-xarba tant popolari u r-riżultati juru li l-benefiċji jinħassu meta wieħed jixrob bejn nofs tazza u tliet tazzi kafè kuljum.

L-istudju sar fuq tliet gruppi ta’ persuni – dawk li ma jixorbux kafè, dawk li jixorbu bejn nofs tazza u tliet tazzi kujum u dawk li jixorbu atkar minn tliet tazzi.

Dawk fil-faxxa tan-nofs instab li kellhom 17% inqas riskju li jmutu b’mard tal-qalb u 21% inqas riskju li ttihom puplesija. Iżda nstab ukoll li kienu fi 12% inqas riskju mill-gruppi l-oħra li jmutu b’xi ħaġa oħra.