Lokali Qtil Politiku

Xahar wara l-pubblikazzjoni tal-inkjesta pubblika: Il-Gvern għadu m’għamel xejn

L-Inkjesta Pubblika dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia ilha xahar li ġiet ippubblikata u l-Gvern għadu m’għamel xejn biex jibda jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet li saru mill-Bord tal-Imħallfin. Il-Gvern ma jħossx l-urġenza li jibda jsewwi l-ikbar ferita fl-istorja riċenti ta’ pajjiżna.

Fi stqarrija, il-ko-ordinatriċi tal-Grupp ta’ Ħidma #QattAktar, Emma Portelli Bonnici qalet li l-inazzjoni tal-Gvern mhix xi sorpriża: Min saħħaħ il-kultura tax-xejn mhu xejn, min kasbar il-governanza tajba u min inqeda bl-Istat flok qeda lill-Poplu ma jistax ikun is-soluzzjoni biex Malta tikseb lura r-reputazzjoni tajba u jkun hawn serħan il-moħħ għal kulħadd.

Flok jaċċetta dak li qalet l-inkjesta pubbliku, il-Partit Laburista fil-Gvern iktar jimmina bħalma pprova jagħmel l-eks deputat mexxej Laburista Joe Brincat fil-Qorti. Kliem Brincat u anke Joseph Muscat lit-Times of Malta juri kemm il-Labour, bħal lupu, jipprova jibdel sufu iżda qatt għemilu.

Il-Partit Nazzjonalista jerġa jsostni li l-Pajjiż kollu jrid jara li l-Istat Malti jieħu t-triq it-tajba biex ifiq minn dan il-kapitlu ikrah fl-istorja ta’ Malta. Il-Partit Nazzjonalista hu determinat li jwettaq il-bidliet meħtieġa biex jiżgura li l-għajb li sar ma jerġa jseħħ qatt iktar. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech diġa ħatar grupp ta’ ħidma – #QattAktar – biex iħejji rapport sħiħ bi proposti konkreti dwar x’inhuma l-bidliet legali, regolatorji u amministrattivi li hemm bżonn biex verament jitwettqu r-rakkomandazzjonijiet li joħorġu mill-Inkjesta Pubblika u l-Istat Malti jintrefa’ ‘l fuq.

Il-grupp ta’ ħidma mmexxi mill-avukat Emma Portelli Bonnici, hu magħmul minn persuni attivi fil-Partit Nazzjonalista u oħrajn indipendenti li ġejjin minn kull saff tas-soċjeta’ Maltija.

Il-grupp ta’ ħidma diġa kellu numru ta’ sessjonijiet u qed jiltaqa’ ma’ stakeholders differenti. L-għan primarju tal-grupp #QattAktar hu li fil-pajjiż niżguraw it-tisħiħ tas-Saltna tad-Dritt fil-pajjiż; insaħħu id-dritt għall-Informazzjoni u jkollna Xandir Pubbliku vera u mhux biss tal-Istat; u niżguraw il-protezzjoni tal-ġurnalisti.

Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jara li mhux biss issir ġustizzja fil-każ Daphne Caruana Galizia iżda jimpenja ruħu li jkun fuq quddiem biex issir il-bidla li hemm bżonn biex il-Maltin jerġgħu iħossuhom iktar kburin b’pajjiżna.