“Kemm nista nagħti ħin biex ngħin lil dawn l-inizjattivi. Huma importanti ferm għalija biex ninkoreġġi lil aktar nies jiġu jagħmlu l-clean ups ħalli nnadfu Malta. Ġejjin bil-mod il-mod, għad fadal mhux ħażin, iżda għandna bżonn niftakru li, meta mmorru biex ingawdu l-ambjent, li hu daqshekk tajjeb għal saħħitna, ma nħallu xejn warajna u nibqgħu ngawduh sal-aħħar. Mhux għalina biss, iżda anke għat-tfal tagħna”.
Hekk stqarr Neil Agius meta attenda għal attività oħra ta’ tindif organizzata mill-MŻPN u minn Team Start f’Marsaskala, bl-għan li jinġabar l-iskart li ċerti nies ħallew warajhom.

Għal din l-attività attendew ukoll għadd sabiħ ta’ żgħażagħ, fost kuxjenza dejjem tikber dwar l-importanza ta’ ambjent aktar nadif u aktar san biex ingawdu minnu aħna lkoll, kif spjegat magħna Giorgia Giglio, membru ta’ Team Start.
Min-naħa tiegħu, il-President tal-MŻPN Gabriel Micallef tenna l-importanza li flimkien, inkomplu nieħdu ħsieb l-ambjent Malti.


