L-aħħar suldati tal-kontinġent militari Britanniku fl-Afganistan waslu lura fir-Renju Unit– l-istess bħall-Ambaxxatur Britanniku ( għall-Afganistan) Sir Laurie Bristow li kien strumentali ferm fl-impenn ta’ evakwazzjoni minn dak il-pajjiż.
Mill-14 ta’ Awwissu ‘il hawn, ir-Renju Unit evakwa ‘il fuq minn 15,000 persuna mill-artijiet Afgani – bl-aħħar titjira, fi tmiem il-ġimgħa, iġġib fi tmiem l-involviment militari tal-Britanniċi fl-Afganistan li kien ilu għal 20 sena.
Intant, il-Viċi-Ammirall Sir Ben Key, li mexxa l-evakwazzjoni tar-Renju Unit, ma riedx jikkonferma ‘is-suċċess tal-irtirar’ qabel seta’ jaċċerta mit-tluq tal-alleati kollha tal-Britanniċi mill-Afganistan. Hu tenna li l-impenn għall-evakwazzjoni kien impressjonanti ferm minn aspett internazzjonali iżda hemm ukoll ‘sens ta’ niket għan-nies li kellhom jibqgħu fl-artijiet Afgani.’
Il-Prim Ministru Britanniku, Boris Johnson, qal li dan hu żmien sinifikanti għar-Renju Unit ‘li qed itemm missjoni li ftit rajna bħalu f’ħajjitna’
Sadanittant, l-Ambaxxatur Bristow, li kien qed jipproċessa lin-nies li kienu qed jitilqu mill-Afganistan, kien fost l-aħħar Britanniċi li niżlu fil-bażi ta’ Brize Norton tal-RAF. It-titjira qed tkun segwita minn titjiriet oħra għall-militar u ċivili li kienu telqu minn Kabul.
Min-naħa tiegħu, Sir Ben Key qal li d-deadline għall-evakwazzjonijiet imposti mill-mexxejja Talibani tal-Afganistan għamilha impossibbli biex ir-Renju Unit u pajjiżi oħra joħorġu aktar nies minn dak il-pajjiż. Fl-istess ħin hu sellem ‘lil dawk in-nies, b’mod partikulari Afgani, li ħadmu spalla ma spalla u b’kuraġġ kbir mal-Britanniċi u l-alleati fl-aktar zoni ta’ periklu (fl-Afganistan).’
Fost in-nies evakwati hemm madwar 2,200 tifel u tifla — bl-airlift inkwistjoni jsalva mal-5,000 ċittadin Britanniku u qrabathom, flimkien ma’ aktar eluf ta’ Afgani kunsidrati bħala f’periklu mit-Talibani. Il-Prim Ministru Johnson qal li għalkemm il-Britanniċi ma xtaqux li jħallu l-Afganistan b’dan il-mod, hu żgur li ma servewx għalxejn it-tbatija u sagrifiċċju tat-truppi kollha tar-Renju Unit li lkoll taw sehemhom f’dan il-pajjiż tul l-aħħar 20 sena.
//= $special ?>