Il-President tal-Brażil, Jair Bolsonaro, ma eskludiex li ‘jispiċċa maqtul’ waqt li kien qed jitkellem dwar il-possibbiltajiet li hemm jistennewh fil-futur. Intant, il-possibbiltajiet l-oħra li hu rrefera għalihom kienu ‘il-potenzjal ta’ ħabs’ inkella rebħa fl-elezzjoni tas-sena d-dieħla għall-Presidenza Brażiljana.
Intant, Bolsonaro, politiku populista tal-lemin, irid jegħleb id-distakk attwali mal-eks President Brażiljan Luiz Inácio Lula da Silva skont l-aħħar stħarriġ ta’ opinjon. Fl-istess ħin, il-President tal-Brażil sostna li ‘ftit hemm ċans li jispiċċa priġunier għaliex l-ebda raġel fid-dinja mhu se jissogra li jheddu’.
Il-President Bolsonaro, li għandu 66 sena, kien kważi spiċċa maqtul waqt rally politiku fl-2018 u l-aħħar rimarki tiegħu ngħataw fi żmien ta’ tensjoni kbira bejnu u l-awtoritajiet ġudizzjarji u elettorali fil-Brażil.
Bolsonaro, li qed jittama f’tieni mandat ta’ tmexxija, qed jikkritika lis-sistema għall-votazzjoni elettronika fil-Brażil, fost theddid li ma jaċċettax ir-riżultat tal-elezzjoni presidenzjali tas-sena d-dieħla. U għalkemm il-kap tal-proċess elettorali ( fil-Brażil) qed jinsisti li mhemmx problemi bis-sistema għall-votazzjoni, Bolsonaro mhux jaċċetta l-ispjegazzjoni, filwaqt li qed iħeġġeġ biex il-mexxejja evanġeliċi fil-pajjiż jissieħbu f’dimostrazzjonijiet nazzjonali li se jsiru x-xahar id-dieħel b’appoġġ għalih.
//= $special ?>