Milan kisbu t-tieni rebħa ta’ dan l-istaġun meta f’San Siro għelbu lil Cagliari bl-iskor ta’ 4-1. Huma fetħu l-iksor fit-12-il minuta meta minn freekick dirett kien Sandro Tonali li kkonkluda fix-xibka għal 1-0. Madanakollu tliet minuti wara Cagliari kisbu l-gowl tad-draw meta minn cross ta’ Joao Pedro kien Alessandro Deiola li bir-ras xeħet wara Mike Maignan għal 1-1. Minkejja dan Milan reġgħu marru fil-vantaġġ żewġ minuti wara meta x-xutt ta’ Rafael Leao ħabat ma’ Brahim Diaz u sab ruħu fix-xibka għal 2-1. Milan komplew jiddominaw fl-ewwel taqsima u proprju fl-24 minuta għamluhom tlieta, meta minn pass ta’ Brahim Diaz, din id-darba kien l-akkwist il-ġdid Olivier Giroud li b’konklużjoni preċiża għeleb lil goalkeeper għal 3-1. Fit-43 minuta Milan ingħataw penalty wara li Kevin Strootman deher imiss il-ballun b’idu fil-kaxxa, biex mill-ħdax-il metru Olivier Giroud skorja t-tieni gowl tiegħu u r-raba’ riegħu għal Milan.
Fi Stadio Arechi, Roma għelbu lin-neo promossi Salernitana barra minn darhom bl-iskor ta’ 4-0. Huma fetħu l-iskor kmieni fit-tieni taqsima meta minn cross ta’ Matias Vina kien Lorenzo Pellegrini li bix-xellug tefa’ fil-lasta għal 1-0. Biex fit-52 minuta huma rdoppjaw meta minn pass ta’ Henrikh Mkhitaryan kien Jordan Veretout li skorja għal 2-0. Fid-69 minuta huma għamluhom tlieta meta minn pass ta’ Carles Perez kien l-akkwist mingħand Chelsea Tammy Abraham li kkonkluda fil-lasta. Roma għamluhom erba’ fid-79 minuta meta minn pass ta’ Tammy Abraham kien Lorenzo Pellegrini li skorja t-tieni gowl tiegħu għal 4-0, bit-tim immexxi minn Jose Mourinho jikseb it-tieni rebħa fis-Serie A f’dan l-istaġun.
Napoli kisbu t-tieni rebħa tagħhom dan l-istaġun meta fi Stadio Luigi Ferraris għelbu lil Genoa bl-iskor ta’ 2-1. Napoli marru fil-vantaġġ fid-39 minuta meta minn pass ta’ Matteo Politano, Fabian għeleb lil goalkeeper ta’ Genoa b’xutt mid-distanza. Madanakollu Genoa kisbu l-gowl tad-draw fl-69 minuta meta minn cross ta’ Paolo Ghiglione kien Andrea Cambiaso li b’volley preċiż għeleb lil Alex Meret għal 1-1. Iżda Napoli rnexxielhom jiskorjaw il-gowl tar-rebħa fl-84 minuta meta minn cross ta’ Mario Rui kien Andrea Petagna li b’daqqa ta’ ras tefa’ ġewwa għal skor finali ta’ 2-1.
Fi Stadio Mapei – Citta del Tricolore Sassuolo temmew fi draw ta’ mingħajr gowls kontra Sampdoria. Minkejja li ż-żewġ timijiet kellhom iċ-ċansijiet tagħhom l-ebda tim ma rnexxieli jinfed id-difiża avversarja, b’ Sampdoria jiksbu l-ewwel punt tagħhom f’dan l-istaġun, wara l-ewwel telfa li sofrew fl-ewwel partita kontra Milan.
Il-Ġimgħa Udinese v Venezia 3-0 Verona v Inter 1-3 Ilbieraħ Lazio v Spezia 6-1, Atalanta v Bologna 0-0, Fiorentina v Torino 2-1, Juventus v Empoli 0-1 Illum, Genoa v Napoli 1-2, Sassuolo v Sampdoria 0-0, Salernitana v Roma 0-4, Milan v Cagliari 4-1
//= $special ?>