Lokali

Elezzjoni Ġenerali għal Novembru

Kollass fil-Gvern ta' Robert Abela

Nhar is-Sibt, 13 jew is-Sibt, 27 ta’ Novembru 2021 il-poplu Malti u Għawdxi se jissejjaħ biex imur jivvota f’Elezzjoni Ġenerali li se tkun qed tara leġislatura oħra Laburista ferm iqsar milli mistenni.

Id-deċiżjoni għal Elezzjoni Ġenerali nhar it-13 jew is-27 ta’ Novembru 2021 ittieħdet mill-Prim Ministru Robert Abela wara konsultazzjonijiet ma’ terzi qrib ferm tiegħu li wkoll qablu li fix-xenarju attwali l-uniku għażla għalih hi li jmur għall-Elezzjoni Ġenerali bla telf ta’ żmien.

Robert Abela hu konxju mid-diffikultajiet li għandu fit-tmexxija kemm bħala Prim Ministru  ta’ Gvern imxekkel bi problemi serji ta’ korruzzjoni, abbużi ta’ poter u wkoll li fil-Kabinett għandu Ministri li m’għandux kontroll fuqhom. Robert Abela jaf ukoll li anki bħala l-Mexxej tal-PL qiegħed imexxi Partit fejn il-qasmiet huma akbar milli wieħed jaħseb u huma fuq diversi livelli.

Mill-aspett ta’ Servizz Pubbliku nifhmu li diġà minn Kastilja bdew jingħataw direzzjonijiet lill-Ministeri li min-naħa tagħhom bdew jikkomunikawhom ma’ Dipartimenti Governattivi.

Barra minhekk jidher evidenti li Ministri u Segretarji Parlamentari qed jisfruttaw dan il-perjodu sakemm id-data tal-Elezzjoni Ġenerali titħabbar uffiċjalment mill-Prim Ministru, biex jingaġġaw kemm jifilħu nies ma’ entitajiet governattivi.

Minn stħarriġ li għamel il-mument jirriżultalna wkoll li se jkun programmat waqfien mit-teħid tal-jiem frank f’numru ta’ Dipartimenti tal-Gvern għall-perjodu ta’ Novembru li ġej.

Tajjeb li wieħed japprezza li dan kollu jfisser li għal darba oħra għandna Gvern Laburista li mhux se jkun qed jagħmel il-leġislatura sħiħa tiegħu li suppost tintemm f’Ġunju tas-sena d-dieħla. Kif ġara lill-Gvern preċedenti, anki issa l-Gvern Laburista se jkun qed isejjaħ Elezzjoni Ġenerali bikrija anki invista ta’ greylisting u ta’ reputazzjoni dejjem tbatti bil-problemi kollha li dawn iġibu magħhom. Imma mhux biss… Robert Abela ngħata il-pariri dwar kif

l-ekonomija ta’ pajjiżna ma hix sejra tajjeb, li d-djun qed jibqgħu jiżdiedu u li l-uniku soluzzjoni hu ta’ Baġit li jintroduċi piżijiet finanzjarji. Filwaqt li pajjiżna ilu ma jkollu Gvern Laburista stabbli sa mill-1981, kollox jindika li r-riżultat li se jkollna Elezzjoni Ġenerali bikrija hu minħabba l-kroll u l-qasmiet fil-Gvern u l-PL fejn Robert Abela qed isibha ferm diffiċli biex imexxi u jikkontrolla s-sitwazzjoni.

Il-pressjoni fuq Robert Abela kompliet takkumula anki bl-intervista li ta Joseph Muscat li fiha wassal messaġġi fini ta’ theddid fil-konfront ta’ Robert Abela li biex sab ruħu Prim Ministru kellu bżonn tal-familja Muscat.