Lokali

Il-Budget se jkun preżentat fil-11 ta’ Ottubru

Il-Budget għas-sena d-dieħla se jkun preżentat fil-Parlament fil-11 ta’ Ottubru li ġej.. prassi li issa saret waħda normali minħabba li l-budget jrid ikun preżentat lil-Unjoni Ewropea fl-istess żmien. Ir-repplika tal-Budget tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista u Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech issir it-Tnejn ta’ wara jiġifieri fit-18 ta’ Ottubru filwaqt li l-Prim Ministru Robert Abela jagħmel id-diskors tiegħu l-Erbgħa 20 ta’ Ottubru. Dan se jkun l-aħħar Budget qabel l-Elezzjoni Ġenerali li jmiss u għall-ewwel darba se jinqara mill-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana wara li l-Ministru Edward Sciculna ingħata kariga fit-tmexxija tal-Bank Ċentrali. Caruana kien sar Ministru wara co-option fil-Parlament wara li kien okkupa l-kariga ta’ Chief of Staff f’Kastilja.

Fil-pajjiż hawn stennija kbira għal dan il-budget għaliex fl-aħħar xhur rajna l-għoli tal-ħajja verament jolqot lil ħafna Maltin u Għawdxin u allura l-popolu qed jistenna li ż-żieda tal-għoli tal-ħajja – magħrufa wkoll bħala l-COLA – din id-darba tkun tirrifletti iż-żieda li qed naraw fil-prezzijiet ta’ affarijiet bażiċi. Dan meta fl-aħħar snin, Gvern Laburista dejjem għażel li din iż-żieda kważi kważi jinjoraha għaliex fil-Budget dejjem ta’ żieda ta’ madwar ewro jew żewġ ewro fil-ġimgħa għall-għoli tal-ħajja.. xi ħaġa li dejjem urtat lil poplu.

Intant, fl-aħħar sigħat ħarġu dettalji dwar kif il-Gvern kompla jitlef il-kontroll fuq il-finanzi ta’ pajjiżna… bid-defiċit u d-dejn jisplodu għal-livelli fost l-għola fl-Unjoni Ewropea. Filfatt, ċifri ppubblikati mill-NSO xejnu l-kantaliena tal-Gvern ta’ Robert Abela li l-qagħda finanzjarja prekarja ta’ pajjiżna hi taħt kontroll u riżultat biss tal-pandemija. Skont l-NSO, id-defiċit ta’ pajjiżna fl-ewwel seba’ xhur tas-sena diġa kien ftit anqas minn 900 miljun ewro u d-dejn fl-istess perjodu ġie rrapurtat li kien €7.8 biljuni jew żieda ta’ 1.2 biljun ewro fuq l-istess perjodu is-sena l-oħra.

Fl-istess statistika tal-NSO, joħroġ biċ-ċar li n-nefqa tal-Gvern b’rabta mal-pandemija kienet ta’ madwar 500 miljun. Dan ifisser illi terz taż-żieda fid-defiċit fuq l-2019 hi strutturali u m’hux marbuta mal-Covid-19. Dan mistenni jwassal għal defiċit li jiżboq l-10% tal-GDP din is-sena fuq it-12% li ġew irrapurati is-sena l-oħra. Jigifieri kważi d-doppju ta’ dak li kien ippjana l-Gvern u waħda mill-għola rati fl-Unjoni Ewropea.