Fl-aħħar 24 siegħa f’pajjiżna kienu rreġistrati 50 każ ġdid ta’ COVID-19 filwaqt li fiequ mill-virus 51 persuna biex b’hekk il-każi attivi f’Malta u f’Għawdex issa naqsu b’wieħed u jammontaw 635. Dawn l-aħħar numri tas-sitwazzjoni tal-pandemija joħorġu minn fost 3,278 swab test li saru fl-aħħar sigħat.
Permezz ta’ post fuq Facebook, l-Awtoritajiet tas-Saħħa ħabbru li fit-taqsima tal-kura intensiva f’Mater Dei, fl-aħħar sigħat daħlet persuna oħra li tinsab f’qagħda kritika minħabba s-sintomi tal-Coronavirus. Dan ifisser li issa hemm żewġ persuni fl-ITU. Dan filwaqt li fl-aħħar 24 siegħa, mill-isptar ħarġu 5 persuni għaliex qalbu għall-aħjar biex b’hekk f’Mater Dei, bil-COVID issa għad hemm 27 persuna.
U wara li fl-aħħar ġimgħa pajjiżna tilef 5 persuni bil-virus, li tlieta minnhom mietu fi tliet ijiem konsekuttivi, fl-aħħar 24 siegħa, il-pandemija ma ħalliet ebda fatalità biex b’hekk it-total ta’ mwiet baqa’ jammonta 440.
Intant, meta f’Malta u f’Għawdex issa tlaqmet iktar minn 90% tal-popolazzjoni, jista’ jagħti l-każ li dan in-numru ta’ persuni imlaqqma mhux se jkompli jitla’ wisq għaliex fl-aħħar 24 siegħa ħadu l-vaċċin total ta’ 376 persuna, u li madwar 100 minnhom kienu persuni li ħadu l-ewwel doża. Dan juri tnaqqis sostanzjali minn numri li konna imdorrijin naraw minn jum għall-ieħor hekk kif mit-total ta’ dawk imlaqqma b’mod sħiħ, fl-aħħar sigħat żdiedu biss 204 persuni oħra.
//= $special ?>