Il-gwardjani tal-kosta Taljani salvaw mal-540 immigrant minn dgħajsa tas-sajd li kienet miexja mingħajr kontroll ‘il hinn mill-gżira ta’ Lampedusa. In-numru tal-immigranti jibqa’ l-akbar wieħed għal persuni salvati f’din iz-zona għal ġurnata waħda – u meta fosthom hemm numru sostanzjali ta’ nisa u tfal.
Ir-rapporti qalu li l-immigranti kienu ilhom żmien jivvjaġġaw fil-Mediterran wara li telqu mil-Libja u li wħud instabu b’sinjali ta’ vjolenza.
Il-prosekuturi Taljani, fl-aħħar sigħat, fetħu inkjesta dwar ‘dak li setgħu għaddew minnu l-immigranti’ – b’Aida Serrachieri, tabiba mal-grupp Medecins Sans Frontieres, qed tisħaq li diversi immigranti x’aktarx li spiċċaw aggrediti fil-Libja huma u jistennew għal dgħajsa biex twassalhom lejn l-Ewropa.
Fl-istess ħin, l-investigaturi qed jindagaw dwar il-possibbiltà li l-immigranti inżammu għal żmien fi priġunerija fil-Libja ‘mingħajr l-ebda raġuni’.
Intant, żewġ bastimenti tal-gwardjani tal-kosta u dgħajsa tal-pulizija inkarigati mir-reati finanzjarji ( Guardia di Finanza) ħadu ħsieb l-aħħar fażi tal-vjaġġ ta’ dawn l-immigranti lejn Lampedusa u fejn is-Sindku tal-gżira, Toto Martello, fisser l-azzjoni bħala ‘l-akbar impenn ta’ fejda għal dawn l-aħħar snin’.
Il-gżira ta’ Lampedusa tibqa’ fost l-aktar zoni mfittxija għall-immigranti li jridu jaslu fl-Ewropa u li fil-parti kbira nett qegħdin jaslu minn pajjiżi li ma jikkwalifikawx għal kenn politiku.
//= $special ?>