Manchester United kisbu t-tieni rebħa tal-istaġun kontra Wolves f’Molineux iżda l-wirja tagħhom żgur li ma kenitx impressjonanti – b’Mason Greenwood ikun fil-post opportun biex jagħti t-tliet punti lir-Red Devils li kienu ddominati għal ħinijiet mit-tim tal-Midlands, immexxi minn Bruno Lage. L-atmosfera f’Molineux kienet waħda karnivaleska, bil-partitarji ta’ United ma jieqfux ikantaw isem Cristiano Ronaldo – l-attakkant Portugiż u għal ħames darbiet rebbieħ tal-Ballon d’Or — li qed jingħaqad mill-ġdid mar-Red Devils wara li lagħab l-aħħar tliet staġuni ma’ Juventus fl-Italja.
Intant, l-ewwel taqsima kienet kważi kollha ta’ marka ‘Wolves’ bil-gowlkiper ta’ United David de Gea isalva tajjeb fuq Raul Jimenez u b’Aaron Wan-Bissaka, minuti wara, jikklerja ballun li kien destinat għal ġewwa fuq it-tentattiv ta’ Trincao. Wolves komplew jagħfsu u qabel il-mistrieħ Joao Moutinho ra l-volley tiegħu jgħaddi ftit barra wara li kien approfitta mill-iżball ta’ Jadon Sancho. L-aħjar plejer ta’ United kien id-difensur Franċiż Raphael Varane li kien qed jiddebutta fil-league wara li ngħaqad mal-klabb mingħand Real Madrid – iżda l-mument tal-logħba ipprovdiha de Gea li, f’nofs it-tieni taqsima, wettaq ‘double-save’ mirakoluż fuq Romain Saiss, b’United jieħdu n-nifs mill-ġdid.
Madankollu, il-kwalità fit-tim ta’ Man Utd tat il-frott meta, fuq l-assist ta’ Varane, Mason GREENWOOD (80) għadda fuq il-lemin u venven xutt baxx u bil-qawwi, bil-ballun jgħaddi minn taħt Jose Sa u jispiċċa fir-rokna tax-xibka. Intant, il-gowl kellu element ta’ kontroversja, bil-plejers ta’ Wolves jinsistu li kien sar fawl fuq Ruben Neves waqt l-azzjoni – iżda l-gowl kien konvalidat, b’United jirnexxilhom iżommu dan il-vantaġġ minimu sat-tmiem.
L-attakkant Korean, SON HEUNG-MIN, immarka l-200 dehra tiegħu fil-Premier Ingliż bil-gowl uniku li ta rebħa oħra lil Tottenham Hotspur, din id-darba għall-ispejjeż ta’ Watford, f’The New White Hart Lane. Ir-riżultat ifisser li Spurs huma l-liders tal-klassifika qabel il-‘break’ għal-logħob internazzjonali fil-bidu ta’ Settembru, u wara li t-tim ta’ Nuno Espirito Santo irnexxielu jirbaħ l-ewwel tliet logħbiet tal-kampjonat ġdid. L-aħħar manager ta’ Tottenham li rnexxilu f’dan it-tragward kien proprju Arthur Rowe, fl-istaġun tal-1949. Intant, Watford xorta għamlu l-ħajja diffiċli għal Tottenham, bil-Hornets jistgħu jħossuhom sfortunati li sofrew il-gowl, wara li l-freekick insidjuż ta’ SON qarraq kompletament bil-gowlkiper Daniel Bachmann – bil-ballun jispiċċa fir-rokna tax-xibka.
L-attakkant internazzjonali Harry Kane kien inkluż mal-ewwel ħdax ta’ Spurs għall-ewwel darba fl-istaġun, iżda kellu logħba pjuttost kwieta. U filwaqt li Spurs kellhom iċ-ċansijiet li jżidu l-iskor — permezz ta’ tentattivi minn Steven Bergwijn u Dele Alli –Watford ukoll ħolqu diversi perikli, b’Juraj Kucka ifalli żewġ opportunietajiet tajbin u b’Emmanuel Dennis joħloq xi mumenti ansjużi għall-gowlkiper Lloris.
Fil-logħba l-oħra tal-programm, Burnley u Leeds United spiċċaw fi dro, 1-1, wara konfront mill-aktar kumbattut f’Turf Moor. Kienu l-Clarets li fetħu l-iskor meta Chris WOOD sab ix-xibka kontra l-eks tim tiegħu wara siegħa logħob u fejn dawwar għal ġewwa x-xutt spekulattiv ta’ Matthew Lowton. Leeds wettqu reazzjoni immedjata u l-isforzi tagħhom kienu premjati meta erba’ minuti mit-tmiem Patrick BAMFORD kiseb il-gowl tad-dro mistħoqq, fuq l-assist ta’ Jamie Shackleton.
Ilbieraħ Man City v Arsneal 5-0, Newcastle v Southanpton 2-2, Brighton v Everton 0-2, West Ham v C’Palace 2-2, Norwich v Leicester 1-2, Aston Villa v Brentford 1-1, Liverpool v Chelsea 1-1 Illum Burnley v Leeds 1-1
Tottenham v Watford 1-0, Wolves v Man Utd 0-1