Il-Ministru Carmelo Abela ma jafx bl-attakki li kien hemm f’dawn l-aħħar jiem fuq diversi media fosthom dik tal-Partit Nazzjonalista intenzjonati biex jimminaw il-ħidma tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalisa.
Intant l-istess Ministru ma kkommettiex ruħu jekk jaqbilx ma’ dak li qal l-eks Prim Ministru Joseph Muscat f’intervista li saritlu mit-Times of Malta.
Turija ċara li Abela ma jrid jieħu ebda pozizzjoni fir-rigward ta’ dak li qal Muscat f’din l-intervista fejn għamilha ċara li Robert Abela huwa kontinwità tiegħu.
Minkejja li Joseph Muscat fl-2019 kien ivvutat bħala l-iktar politiku korrott, minkejja l-konklużjoni iebsa tal-Inkjesta Pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u minkejja l-greylisting tal-FATF Robert Abela xorta waħda qed jibqa’ jagħżel li jżomm l-istess riċetta ta’ Muscat u saħansitra jibqa’ mwaħħal miegħu.
Il-Ministru Carmelo Abela ħassu skomdu wkoll jgħid lil min iffavorixxa fl-elezzjoni għall-mexxej ġdid Laburista illi saret fl-2019…
Dan qed ikompli joħroġ aktar fil-beraħ il-qasma li hemm fi ħdan il-Partit Laburista. Ta’ min wieħed ifakkar fil-post li kien tefa’ huwa stess fuq il-media soċjali meta kien qal li lest jaħdem spalla ma’ spalla ma’ Chris Fearne għall-ġid ta’ Malta u tal-Partit Laburista.
Mistoqsi jekk jiċħadx il-fatt li fl-istess intervista Joseph Muscat ikkonferma li waqt il-kampanja tal-mexxej Laburista, il-mara tiegħu, Michelle Muscat ħadmet biex jirbaħ Robert Abela… Carmelo Abela għażel ukoll li ma jikkumentax…
Desirei Grech għal Net News.
//= $special ?>