“Wara s-survey ippubblikat minn Newsbook.com.mt ftit tal-jiem ilu, is-survey ippubblikat minn Times of Malta illum ikompli jimliena b’kuraġġ. Dan hu l-mument li l-poplu qiegħed juri li pajjiżna jeħtieg bidla mill-aktar fis, u għalhekk qiegħed jara fil-Partit Nazzjonalista dik il-forza pożittiva biex dan ikun jista’ jseħħ.” – Hekk saħaq il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech b’reazzjoni għal dak li ħareġ fil-gazzetti tal-Ħadd.
Bernard Grech saħaq li l-bidla fin-numri tas-sondaġġi seħħet għal diversi raġunijiet fosthom għaliex il-poplu xeba’ bir-rabtiet li għandu l-Gvern Laburista mal-kriminalità, għaliex irid li Malta ma tibqax titlef ir-reputazzjoni tagħha billi tibqa’ fuq il-Lista l-Griża, għaliex qed jara l-ħsara vera li tħalliet issir fl-istituzzjonijiet, għaliex xeba’ jgħix f’kultura ta’ xejn mhu xejn, għaliex irid jara bilanċ bejn l-ekonomija u l-ambjent u għaliex inkwetat mid-dejn insostenibbli li issa għandu pajjiżna.
F’post fuq Facebook il-Kap tal-PN qal li l-poplu jrid is-serħan il-moħħ u jrid jerġa’ jibda jieħu n-nifs; “Il-PN jista’ jkun il-bidla li l-pajjiż għandu bżonn. Dan jista’ jsir meta kollha kemm aħna ningħaqdu f’missjoni waħda fejn int ukoll tkun parti minn din il-bidla. Anzi, int trid tkun il-bidla. Il-PN lest biex ikompli jinbidel, lest biex ikun il-bidla li l-pajjiż għandu bżonn sabiex flimkien nilħqu l-milja tal-aspirazzjonijiet tagħna, għal pajjiżna u għalina.”
//= $special ?>