Lokali

Bidliet fit-taxxa tal-kumpaniji jitolbu konsensus nazzjonali u trasparenza mill-Gvern wara li daħħalna fil-greylist – il-PN

Il-Partit Nazzjonalista jirreferi għar-rapporti fil-media li l-Kabinett se jikkunsidra riforma fis-sistema tat-taxxa tal-kumpaniji, li tinkludi li l-perjodu għar-rimbors tat-taxxa fil-każ ta’ kumpaniji internazzjonali jiġi estiż minn ġimgħatejn għal sena.

Fi stqarrija, iffirmata mill-Kelliem għall-Finanzi Mario De Marco u mill-Kelliema għall-Iżvilupp Ekonomiku Kristy Debono, il-Partit Nazzjonalista qal li filwaqt li jtenni l-appoġġ għall-miżuri kollha maħsuba biex verament jiġġieldu l-ħasil tal-flus u l-implimentazzjoni effettiva ta’ dawn il-miżuri, talab lill-Gvern biex jara li kwalunkwe riforma tar-reġim tat-taxxa tal-kumpaniji ssir f’konsultazzjoni mill-qrib mal-korpi rappreżentattivi tal-industrija tas-servizzi finanzjarji.

Il-Partit Nazzjonalista qal li jeħtieġ ukoll li l-Gvern ikun trasparenti dwar is-sejbiet tal-FATF li għadhom mhux ippubblikati u li lanqas tressqu għall-kunsiderazzjoni tal-Kamra tar-Rappreżentanti.

Innota wkoll li r-reġim attwali tat-taxxa tal-kumpaniji hu parti mir-raġuni għas-suċċess u t-tkabbir tal-industrija tas-servizzi finanzjarji fl-aħħar 20 sena. Kwalunkwe bidla fir-reġim tat-taxxa u l-perjodi ta’ żmien stipulati fiha jista’ jkollhom effett negattiv fuq industrija li diġà hi milquta ħażin ferm mill-greylisting.

Bil-kontra tal-prattika adottata mill-Amministrazzjoni Nazzjonalista preċedenti, li dejjem ħadet approċċ nazzjonali u bi-partisan b’konsultazzjoni attiva u kostanti mal-Oppożizzjoni, fil-każ tas-servizzi finanzjarji u l-gaming, il-Gvern Laburista waqqaf kull forma ta’ konsultazzjoni. Kwalunkwe tibdil fir-reġim tat-taxxa għandu jieħu kont tal-importanza tal-industrija tas-servizzi finanzjarji u l-impatt li kull bidla fir-reġim tat-taxxa jista’ jkollha fuq id-dħul mit-taxxa ta’ pajjiżna.

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-kwistjoni ssir saħansitra aktar relevanti fi żmien meta statistika ppubblikata mill-NSO l-ġimgħa li għaddiet turi li d-defiċit ta’ Malta, li jammonta għal 12% tal-Prodott Gross Domestiku, hu fost l-ogħla fl-Unjoni Ewropea.