L-awtoritajiet fl-Awstralja kkonfermaw li mietu ‘l fuq minn 1,000 persuna bl-effetti tal-Covid-19 mill-bidu tal-pandemija ‘il hawn. Dan meta l-Awstralja qed tiffaċċja aktar epidemiji ġodda tal-varjant tad-Delta f’numru ta’ territorji.
L-1,003 mewta jirriflettu total anqas minn ta’ ħafna pajjiżi oħrajn avvanzati, b’dan ikun dovut, l-aktar, għas-suċċess inizjali tal-awtoritajiet Awstraljani biex irażżnu l-virus.
Madankollu, l-Awstralja, issa, qed tara l-agħar numru ta’ infezzjonijiet mindu beda l-pandemija – bl-ispinta riċenti ta’ infezzjonijiet f’Sydney qed timponi problemi għall-istrateġiji tal-awtoritajiet biex jikkontrollaw il-firxa tal-virus.
Dan ukoll meta ż-żieda fl-infezzjonijiet fl-Awstralja qed titfa’ piż enormi fuq ir-riżorsi tas-saħħa fil-pajjiż.
L-Istat Awstraljan ta’ New South Wales (li għandu l-belt ta’ Sydney bħala kapitali) ilbieraħ irrapporta erba’ imwiet ġodda u 1,218 każ ġdid tal-virus għal ġurnata waħda.
L-awtoritajiet intant wissew li r-rati tal-imwiet u l-pazjenti li jeħtieġu trattament l-isptar għandhom jiżdiedu f’Ottubru, minkejja li aktar nies qegħdin jingħataw it-tilqima.
Bħalissa, ‘il fuq min-nofs tal-Awstraljani jinsabu taħt lockdown wara inċidenzi tal-pandemija f’Sydney, Melbourne u Canberra.
Fl-istess ħin, il-proċessi tal-lockdowns fit-tul u żieda rapida fit-tilqim intensifikaw id-dibattitu dwar iż-żmien meta l-Istati Awstraljani – u l-pajjiż innifsu – għandhom jerġgħu jiftħu għal ħajja ‘pjuttost normali’.
Il-Prim Ministru Awstraljan, Scott Morrison, il-ġimgħa l-oħra, beda jitbiegħed mill-istrateġija preċedenti tal-Gvern magħrufa bħala ‘zero-Covid’ u issa qed isejjaħ biex il-pajjiż jibda jnaqqas mir-restrizzjonijiet ladarba 70 fil-mija tal-adulti ( ‘il fuq min-nofs tal-popolazzjoni ġenerali) ikunu vaċċinati.
‘Ma nistgħux inkomplu ngħixu qisna fl-għerien għal dejjem’, kien sostna Morrison waqt diskors lill-Parlament u meta hu irrefera għal-lockdowns fl-ibliet u l-għeluq tal-fruntieri tal-Istati Awstraljani.
Madankollu, xi esperti mediċi jopponu l-miri ta’ Morrison fost twissijiet li dawn il-miri kapaċi jipperikolaw il-ħajja f’sitwazzjonijiet fejn ir-restrizzjonijiet jitneħħew qabel iż-żmien ideali.
Fil-fatt, il-Prim Ministri ta’ diversi Stati Awstraljani qed jgħidu li l-analiżi dwar ‘il-ftuh mill-ġdid tal-pajjiż’ ma kkalkulatx l-eskalazzjoni fil-każi tal-varjant tad-Delta fl-inħawi ta’ Sydney. Dan meta l-awtoritajiet fl-Istati ta’ Western Awstralia u Queensland esprimew l-akbar preokkupazzjoni dwar il-possibbiltà ta’ ‘miżuri mgħaġġlin ta’ potenzjal katastrofiku.
//= $special ?>