“Robert Abela, Edward Zammit Lewis u perusni oħrajn fl-Gvern, għandhom jaraw li dak li qed iseħħ bħalissa jitwaqqaf, u naraw li verament pajjiżna jkollna ġurnalisti u deputati li jkunu jistgħu jagħmlu xogħlhom mingħajr biżgħa, theddid u possibiltà li jipperiklow ħajjithom.” – Dan kien il-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista f’konferenza tal-aħbarijiet li saret propju xahar wara l-pubblikazzjoni tal-rapport tal-Inkjesta Pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Kien fid-29 ta’ Lulju meta l-inkjesta kkonkludiet li l-istat għandu jerfa’ r-responsabiltà għal dan l-assassinju, u li kien l-istat li ħoloq attmosfera ta’ impunità mill-għola livelli tal-Gvern. Atmosfera ta’ li ġiet iġġenerata minn Kastilja u “bħal qarnita” infirxet fl-istituzzjonijiet kollha tal-pajjiż. Għadda xahar, u l-Prim Ministru Robert Abela għadu ma ħa ebda azzjoni, kif spjega l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja Beppe Fenech Adami. Hu saħaq li “Fix-xahar wara l-pubblikazzjoni, Abela sparixxa, waqa’ fil-mutu, u mar vaganza. “Robert Abela sal-lum, wara xahar mhux kapaċi jinqata’ minn Joseph Muscat. Spiċċa ostaġġ ta’ dak li poġġieh hemm. Għadu jipprotegi lil dawk li wasslu għal atmosfera ta’ impunità fil-pajjiż inkluż uffiċjali għolja fil-Partit Laburista. Għadu jipprotegi lil Edward Zammit Lewis minkejja li ġie żvelat li kien qed jikkonfoffa ma min hu akkużat li huwa l-mandant tal-qtil ta’ Daphne Cauana Galizia. Kull gurnata li tgħaddi fejn qed jiddefendi lil dawn il-persuni, hija ġurnata oħra fejn ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna tkompli titnaqqar u nibqgħu fil-greylist.”
Id-Deputat Joe Ellis minn naħa tiegħu spjega kif bħalissa qed nassistu għal kampanja ta’ diżinformazzjoni fil-konfront ta’ media houses u persuni oħrajn fejn qed jiġu ċirkolati emails foloz kif ukoll websites qarrieqa. Huwa saħaq li dan huwa ferm inkwetanti, għaliex hu intiz biss biex jimmina d-demokrazija ta’ pajjizna u biex jikkundizzjona l-proċess ġudizzjarju li għaddej bħalissa fil-Qorti. Hu stqarr li quddiem dan l-iżvilupp wieħed jittama li jkun hawn kunsens politku li tali kampanja mhux aċċettabbli fid-demokrazija tagħna; “aħna bħala oppożizzjoni lesti nikkoperaw jekk hemm bżonn aktar ligijiet ħorox. Jekk hemm bżonn lesti li niltaqgħu fil-parlament.”
Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet, il-Kandidat għall-Elezzjoni Ġenerali Paula Mifsud Bonnici fakkret kif Robert Abela baqa’ ma ħa ebda azzjoni fil-konfront ta’ Joseph Muscat, ta’ Edward Zammit Lewis, tal-greylisting, tal-inkjesta pubblika u dwar l-attakki fuq il-media. Hi saħqet li l-PN huwa kommess li jagħmel dak li mhux jagħmel il-Gvern; “kommessi li ndaħħlu lura s-saltna tad-dritt f’pajjizna wara li hu ċar li l-PL kisser dan. Irid ikun il-PN li jaghmel dan u l-PN qed jikkommetti ruħu li jkisser din il-kultura ta’ impunità fejn il-libertà tal-espressjoni tkun tista’ tiġi restawrata u l-poplu jkollu dritt ikun jaf il-verita x’hini. Il-PN jemmen li l-istituzzjonijiet qegħdin biex jaħdmu, u se nagħtu l-għodda u r-riżorsi kollha biex jiffunzjonaw u jressqu lil min hu involut biex jaffaċċjaw ġustizja.” Paula Mifsud Bonnici saħqet li l-PN huwa kommess li jassigura li juża’ aħjar il-fondi pubbliċi biex jiddedika r-riżorsi kollha meħtieġa għall-qrati tagħna. Dan filwaqt li permezz tal-cluster tiegħu, il-PN se joħrog aktar proposti dwar x’għandu jsir f’dan il-qasam, biex dak li m’għamilx il-PL jagħmlu il-PN.
//= $special ?>