Lokali

Gvern Ġdid Nazzjonalista jagħmel studju Nazzjonali dwar l-istrateġija eżistenti tal-obeżità – PN

Diversi studji juru li Malta għad għandha problema ta’ obeżita tant li hija kkonsidrata gzira obesoġenika fil-Mediterran, bl-istess problema meqjusa bħala sfida maġġuri għas-saħħa pubblika f’Malta. Għalhekk fid-dawl tal-istrateġija eżistenti dwar l-obeżita, il-Partit Nazzjonalista qiegħed jitlob lill-Gvern sabiex jaġġorna lil kulħadd dwar is-suċċess ta’ din l-istrateġija għaliex jidher ċar li falliet. 


Gvern ġdid Nazzjonalista mmexxi minn Bernard Grech jassigura li fost l-ewwel prijoritajiet tiegħu jaħdem fuq studju nazzjonali dwar l-istrateġija tal-obeżita, sabiex fejn falliet jassigura li jwettaq bidliet radikali, fl-interess tas-saħħa nazzjonali tal-Maltin u l-Għawdxin. Ukoll, fid-dawl tal-istudji li juru li bejn 40 u 42% tat-tfal fl-iskejjel tagħna għandhom problema ta’ obeżità, ċifri li jpoġġina bħala l-għola fl-Ewropa, il-Partit Nazzjonalista jagħraf l-importanza li l-ġlieda kontra l-obeżita tibda propju mill-iskejjel tagħna. 


Dan intqal illum waranofsinhar waqt konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista indirizzata mid-deputati Clyde Puli u Robert Cutajar u l-kandidat Justin Schembri.


Hu ċar li l-edukazzjoni fiżika fl-iskejjel għandha tkun parti essenzjali mill-istrateġija għall-ġlieda kontra l-obeżita u għalhekk dan is-suġġett għandu jikseb ir-rispett tal-pubbliku imma wkoll ta’ min jagħmel il-politika. Dan billi fost l-oħrajn, l-lezzjonijiet tal-edukazzjoni fiżika jiżdiedu u li flimkien mas-suġġett tal-isport career development programme, jiddaħħlu aktar dixxiplini sportivi. 


Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Partit Nazzjonalista jistaqsi wkoll għaliex numru ta’ supply teachers li kienu ngaġġati s-sena l-oħra ma reġghux ingħataw kuntratt din is-sena meta tant hemm bżonn li nżiedu l-programmi t’attivita fiżika?

Filwaqt li matul dawn l-aħħar snin kien innutat li sar investiment fix-xiri ta’ riżorsi sportivi għall-iskejjel, wieħed irid jistaqsi x’qiegħed jiġri mill-manutenzjoni tagħhom kif jixhdu l-Iskola Medja t’Għawdex, ta’ Bormla, ta’ Ħal-Tarxien, l-iskejjel Sekondarji bħal Lily of the Valley fil-Mosta ta’ Ħad-Dingli li huma fi stat tal-biki.


Il-Partit Nazzjonalista jemmen li għandha tiġi aġġornata l-istrategija dwar l-obeżita u jikkommetti ruħu li darba jkun fil-Gvern isir studju xjentifiku biex naraw fejn ħadmet u fejn falliet l-istrateġija preżenti, u jsiru bidliet radikali kull fejn jeħtieġ. Għandu wkoll jissaħħaħ l-iSport Promotion Unit filwaqt li kull skola għandu jkollha għalliema tal-edukazzjoni fiżika tagħha ghal ġimgħa sħiħa u tispiċċa s-sistema tal-peripatetic.


Għandu jkun ukoll żhurat li ma’ kull kulleġġ ikun hemm sett ta’ faċilitajiet sportivi state-of-the-art li jservu lill-istudenti fil-ħin tal-iskola u lill-komunita’ wara dan il-ħin kif ukoll iż-żieda ta’ faċilitajiet outdoor inkluż Open Air Gyms u Adventure Parks u Equipment biex nikkompensaw għall- ħajja sedentarja.


Minbarra hekk il-Partit Nazzjonalista jemmen li la l-iskejjel tagħna jistgħu jkunu katalisti biex flimkien negħlbu din l-isfida, għandna wkoll nassiguraw li nippromwovu aktar dieti ta’ ikel san u għażliet aktar nutrijenti lit-tfal tagħna billi jsibu għażliet nutrittivi fl-iskejjel, nedukaw lit-tfal tagħna dwar l-aspetti tas-saħħa u l-konsegwenzi li ġġib magħha l-obeżità bħala parti mill-kurrikulu tagħna sabiex id-dieta bilanċjata u sana ssir parti mill-istil tal-ħajja tagħhom, isir monitoring regolari tad-dieta u l-progress tat-tfal u jiġu stabbiliti miri ċari li għandhom jinlaħqu bħal kull mira skolastika oħra. 


Il-Partit Nazzjonalista kommess li jġib bidla radikali fil-ħsieb u fil-ġlieda kontra l-obeżita billi jinvolvi u jikkonsulta mal-istakeholders kollha, fosthom l-għalliema, l-akkademiċi, il-ġenituri u l-istudenti nfushom, sabiex nassiguraw li l-ġlieda kontra l-obeżita tiġi ndirizzata minn eta tenera tal-iskola, għaliex pajjiż f’saħħtu jimxi l-quddiem ekonomikament, soċjalment u kulturalment.