Illejla, fid-9:30pm fuq Net Television, jixxandar it-tmien programm Man Up+ ta’ dan is-sajf, b’ħarsa estensiva u dettaljata lejn dak kollu li qed iseħħ mill-kamp tal-waterpolo lokali. F’Man Up+ tal-lejla, li bħas-soltu se jkun ippreżentat minn Christian Micallef, se nsegwu pass pass dak li ġara fil-partiti kollha mill-kompetizzjonijiet knock-out tal-Kampjonat Premier u tal-Ewwel Diviżjoni.
L-Erbgħa li għadda, kelna partiti validi mill-kwarti tal-finali ta’ din l-aħħar kompetizzjoni tas-sajf, taż-żewġ diviżjonijiet rispettivi, filwaqt li l-Ġimgħa u s-Sibt li għadda, intlagħbu l-partiti tas-semi-finali u saru magħrufa t-timijiet li se jilgħabu l-finali tal-kompetizzjoni knock-out tal-Kampjonat Premier u tal-Ewwel Diviżjoni, u li huma skedati għal nhar l-Erbgħa. Fl-istess ġurnata, se tkun qed tintlagħab ukoll il-finali tal-kompetizzjoni knock-out tan-nisa.
Man Up+ jixxandar kull nhar ta’ Tnejn, fid-9:30pm fuq Net Television
F’Man Up+ tal-lejla, se nkunu qed insegwu l-gowls kollha tal-partiti li kelna fil-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq, fil-ġimgħa li għaddiet, b’analiżi ta’ kull partita. B’stil mexxej, u li hu mfittex ħafna mid-dilettanti tal-waterpolo f’Malta, Micallef se jkun qed jagħti gwida ta’ dak kollu li ġara f’seba’ partiti differenti.
Matul dan is-sajf, Man Up+ u Net Television, reġgħu kienu fuq quddiem biex jagħtu servizz mill-aqwa u informattiv, lid-dilettanti kollha tal-waterpolo f’Malta. Dan is-sajf, Man Up+ qed jiċċelebra t-22 sena konsekuttiva tiegħu fuq it-televiżjoni u li matulhom, sena wara l-oħra, dejjem segwa b’interess u rapurtaġġ estensiv, kif ikunu qed jiżvolġu l-Kampjonati tal-waterpolo lokali.
Skont diversi stħarriġ, li saru f’dawn l-aħħar snin, u li kienu ppublikati mill-Awtoritá tax-Xandir, dwar l-udjenza televiżiva fix-xhur tas-sajf, Man Up+ hu l-aktar programm sportiv tas-sajf segwit minn fost l-istazzjonijiet televiżivi f’Malta. Anke din is-sena, Man Up+ kompla jżomm il-popolaritá tiegħu fost l-udjenza sportiva f’Malta.