Lokali Qorti

Il-każ ta’ Yorgen Fenech mixli li ordna armi u munizzjon ‘online’ għal quddiem Nadine Lia

Nadine Lia tieħu l-ġurament tal-ħatra Ritratt: Martin Agius

Il-kumpilazzjoni fil-provi ta’ Yorgen Fenech li qed jiġi mixli li f’Novembru ta’ tliet snin ilu akkwista u ordna armi u munizzjon illegali ‘online’ għandha tinstema’ quddiem il-Maġistrat Nadine Lia, li appuntat is-smigħ għal nhar il-Ġimgħa, 3 ta’ Settembru fid-9.00 am. Dan il-każ għandu piena massima ta’ 10 snin ħabs.

Din hija t-tielet darba li permezz tal-polza x-xorti messet lill-Maġistrat Lia fejn jidħlu każijiet marbuta mal-omiċidju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, anke jekk l-allegat ordni ta’ armi min Fenech jidher li m’għandu x’jaqsam xejn mal-qtil tal-ġurnalista peress li dan seħħ ftit aktar minn sena wara li hija nqatlet. Il-Prosekuzzjoni fil-każ tal-armi qed titmexxa mill-Ispetturi Omar Zammit u Geoffrey Cutajar.

L-ewwel rikuża mill-Maġistrat saret fil-każ ta’ Yorgen Fenech mixli bl-omiċidju tal-ġurnalista u aktar reċenti fil-każ tal-erba’ rġiel mixlijin bil-qtil ta’ Caruana Galizia u l-Avukat Carmel Chircop. Kien nhar il-Ħamis li għadda li Yorgen Fenech mixli quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella għamel l-ordni tal-armi mingħajr liċenzja tal-Kummissarju tal-Pulizija. Fenech qed iwieġeb limhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih. Il-Prosekuzzjoni qed tgħid li l-investigazzjoni dwar il-każ bdiet ftit xhur ilu meta kien hemm l-estrazzjoni tal-mowbajl ta’ Fenech.

Ingħad ukoll li l-każ għadu qed jiġi investigat, “għax ma nafux għalfejn l-armi kienu fil-ħsieb li jinxtraw. nYorgen Fenech kien ordna żewġ ‘hand grenades’, żewġ submachine guns, mijiet ta’ balal u velenu ‘cyanide powder’. Fit-18 ta’ Awwissu l-Imħallef Giovanni Grixti li qed jisma’ s-sottomissjonijiet mid-difiża u l-prosekuzzjoni dwar it-talba għall-pleġġ ta’ Fenech, id-Deputat Avukat Ġenerali Philip Galea Farrugia kien żvela li din l-informazzjoni waslet minn emails misjuba fuq l-apparat ta’ Fenech li wrew kif ħallas f’Bitcoin.

Dawn l-emails kienu mill-2018, wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Il-Pulizija kompliet għaddejja bl-investigazzjonijiet dwar dan ix-xiri.   Fenech jinsab għaddej ukoll proċeduri akkużat li organiżża l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, fis-16 t’Ottubru tal-2017. Wara r-rikkuża tal-Maġistrat Lia, il-każ ġie assenjat u għadu qed jinstema’ quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello.

Fil-5 ta’ Marzu li għadda l-Maġistrat Nadine Lia kienetl irrikużat ruħha wkoll mill-kumpilazzjoni tal-provi konta l-erbat irġiel akkużati bl-involviment fil-qtil ta’ Carmel Chircop u Daphne Caruana Galizia. Adrian u Robert Agius magħrufa bħala tal-Maksar, George Degiorgio magħruf bħala ċ-Ċiniż.   

Il-Maġistrat Nadine Lia kienet irrikużat ruħha milli tisma’ l-provi fl-4 ta’ Diċembru 2019. Dan wara li l-familja ta’ Daphne Caruana Galizia għamlu talba fil-Qorti biex hija tastjeni mill-każ u ma tismax il-kumpilazzjoni assenjata lilha fil-konfront ta’ Yorgen Fenech minħabba kunflitt ta’ interess.

Dan peress li kien ingħad li kollox huwa marbut mal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, mal-Prim Ministru u mal-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru, li tagħhhom il-kunjatu tal-Maġistrat, l-Avukat Pawlu Lia huwa konsulent legali u difensur tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat.

Ir-raġel tal-vitmma, l-Avukat Peter Caruana Galizia u ulied il-vittma, Matthew, Andrew u Paul kienu ippreżentaw rikors fil-Qorti tal-Maġistrati minħabba l-obbligu li l-Ġustizzja trid tidher li qed issir. L-Avukat Jason Azzopardi li flimkien mal-Avukat Therese Comodini Cachia qed jidher bħala parte civile għall-familja ta’ Caruana Galizia kien għamel talba formali sabiex il-Maġistrat tirrikuża ruħha minn dan il-każ, kif kienet għamlet fil-każ ta’ Yorgen Fenech.

Azzopardi kien stqarr li għamel din it-talba mhux għax hemm riflessjoni fuq l-integritá personali tal-Maġistrat Lia, iżda b’rabta ma’ digriet li għamlet l-istess Maġistrat fl-2019 fil-kawża tal-Pulizija kontra Yorgen Fenech u f’numru ta’ kawżi oħra. It-tieni każ tar-rikkuża waqa’ f’ħoġor il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo.