Żewġt irġiel ta’ 34 sena minn Tas-Sliema iddeċidew li jammettu flok jgħaddu ġuri fuq pussess aggravat ta’ droga. Wara stennija ta’ kważi 12-il sena biex jiġu proċessati Justin Zahra u Wayne Pisani kellhom jiffaċċaw proċeduri kriminali quddiem l-Imħallef Giovanni Grixti, illum it-Tnejn, akkużati li kellhom fil-pusses, imma mhux għal użu personali tagħhom kilo kannabis, kif ukoll droga kokaina u pilloli ecstacy.
Is-sentenza fil-konfront tagħhom mistennija tingħata għada t-Tlieta fl-10.00am. Meta tressqu f’Novembru tal-2009 l-Ispettur Pierre Grech kien qal li fl-appartament tagħhom f’Tas-Sliema kienu nstabu 12-il pakkett kokaina, 48 pillola ecstasy u kilo kannabis f’erba’ blokki u 21 biċċa.
Huma ammettew dawn ir-reati mit-13 ta’ Novembru u fil-ġimgħat u x-xhur ta’ qabel u tressqu l-Qorti jumejn wara quddiem il-Maġistrat Jacqueline Padovani Grima, illum Imħallef. Id-difiża dejjem irrimarkat li Zahra u Pisani li meta tressqu kellhom 22 sena dejjem ikkoperaw mal-pulizija, u dejjem ċaħdu l-akkużi miġjubin kontrihom. It-tnejn li huma kienu jgħixu fl-istess appartament fejn instabet id-droga u ma kienux jaħdmu dak iż-żmien.
Justin Zahra huwa difiż mill-Avukati Veronique Dalli u Dean Hili filwaqt li għal Wayne Pisani qed tidher l-Avukat Kathleen Calleja Grima. Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukat Kevin Valletta mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
//= $special ?>