Lokali

Jason Micallef vs Aaron Farrugia: Xhieda oħra tat-tensjoni politika fil-Labour

It-tensjoni interna li ħoloq il-Prim Ministru Robert Abela fil-Partit Laburista – meta issa waslet il-konferma li hu l-kontinwità ta’ Joseph Muscat – qed tkompli ssaħħan l-irjus fost esponenti ewlenin tal-Partit.

Dan hekk kif jidher li, meta Muscat ikkonferma mat-Times li l-familja tiegħu appoġġjat bis-sħiħ lil Abela fil-ġlieda għal-Leadership, ħafna stennew lill-Prim Ministru jinqata’ għalkollox mill-politiku li fl-2019 kien magħżul bħala l-aktar korrott fid-dinja. Minflok, kien hemm skiet li jtarrax minn Abela, fosthom anke fid-diskorsi politiċi ta’ kull nhar ta’ Ħadd fuq il-media tiegħu.

Fost l-aħħar konfermi tat-tensjoni li nibtet fil-Partit Laburista, hemm il-mod kif tkellem l-eks Segretarju Ġenerali u llum iċ-Chairman tal-media Laburista, Jason Micallef, meta ħareġ qatta’ bla ħabel kontra l-Ministru tal-Ambjent Aaron Farrugia wara li dan tal-aħħar qal li se jkunu qed jinżergħu siġar skont ir-riżultati ta’ programm ta’ divertiment li se jixxandar fuq ix-Xandir tal-Istat.

Wara din l-istunt, Jason Micallef kien irrisponda fuq Facebook li l-Gvern għandu problema serja ħafna dwar kif jaħseb u jitratta l-Ambjent. Kien qal ukoll li din hi politika fqira.

Iżda mistoqsi minn NET News dwar dan kollu, il-Ministru tal-Ambjent qal biss li Jason Micallef għandu dritt jgħid li jrid. U mistoqsi direttament dwar jekk jinkwetax li l-Partit Laburista nħakem minn dan il-qsim intern, Aaron Farrugia qal li “lanqas xejn”.

Fil-ġimgħat u x-xhur li għaddew, l-istess Ministru tal-Ambjent kien ikkonferma li s-settur li jmexxi qatt ma kien għal qalb il-Gvern Laburista, tant li ddikjara kemm-il darba li f’dan is-settur ma sar xejn qabel ma laħaq hu.