Futbol Sport

Jittellgħu l-poloz tal-Kampjonat tal-MAFA

Għaxar timijiet ġodda applikaw sabiex jieħdu sehem fil-MAFA hekk kif il-ġimgħa l-oħra ttellgħu l-poloz għall-istaġun 2021/2022. Kollox se jibda fit-18 ta’ Settembru li ġej fi staġun li mistenni jkun wieħed ferm eċitanti.

L-Ewwel Diviżjoni li se jkun magħmul minn Tal-Qroqq Kamelasa, Marsa St Michael, Żurrieq Sunrise, Qormi Hotspurs, Valletta St Pauls, San Ġiljan Saints, Senglea Gunners u Valletta Stars.

Fit-Tieni Diviżjoni hemm tmien timijiet oħra li huma Fgura Spartans, Żebbuġ Youngsters, Mqabba Albions, Żejtun Laċċi, San Ġwann Pro Evolution, Naxxar Victorians, Mosta Vikings u Balluta Barracudas.

Finalment it-Tielet Diviżjoni se jkun magħmul minn seba’ timijiet u dawn huma Swieqi Braves, Gudja Wanderers, Floriana Fsobians, Ħal Far Sparks, Birkirkara St Joseph, Żabbar Southsiders u Ta’ Ġiorni Wanderers.

Għal dan l-istaġun 2021/2022 se jkunu qed jintlagħbu 177 logħba u se jkunu qed jintużaw tliet grawnds f’Santa Luċija, Marsaxlokk u l-Mosta. B’hekk se jkun hemm sitt logħbiet kull tmiem il-ġimgħa filwaqt li kull tim jilgħab 14-il logħba staġjonali (b’eċċezzjoni tat-tielet diviżjoni li jilagħbu 12-il logħba) f’kampjonat maqsum fuq żewġ rawnds.

F’kumment li ta waqt xandira fuq il-mezzi soċjali, is-segretarju ġenerali tal-MAFA David Abdilla ta merħba lit-timijiet il-ġodda li se jieħdu sehem u kkonferma li żdied ħafna l-entużjażmu filwaqt li kien hemm interess mit-timijiet tant li kellu jiġi introdott il-kampjonat tat-tielet diviżjoni. Hu qal li bħal kull l-assoċjazzjonijiet oħra amateurs, il-MAFA hi wkoll rappreżentata fl-eżekuttiv tal-MFA. Hawn faħħar ukoll lill-istess MFA għas-sostenn li tagħti b’diversi għajnuniet li tipprovdi.

Sadanittant se jibqgħu jiġu segwiti l-miżuri kollha ta’ mitigazzjoni relatati mal-COVID-19 fejn apparti li tittieħed it-temperatura u jsir id-diżifettar normali tal-affarijiet, kull min ikun se jilgħab irid juri ċ-ċertifikat tal-vaċċin jew inkella jagħmel PCR Test 48 siegħa qabel il-logħba. Mill-banda l-oħra, il-logħbiet se jkomplu jintlagħbu bil-bibien magħluqa.