Internazzjonali

Korea ta’ Fuq: Sinjali li r-reattur nukleari reġa’ jinsab attiv

Il-Korea ta’ Fuq komunista qed tidher li attivat mill-ġdid ir-reattur nukleari ta’ Yongbyon, bl-aġenzija atomika tan-Nazzjonijiet Uniti qed issegwi bir-reqqa l-aħħar żviluppi. Dan meta hemm ukoll indikazzjonijiet li r-reattur inkwistjoni qed jipproduċi l-plutonium li kapaċi jintuża fil-manifattura ta’ armamenti nukleari.

Fl-2009, il-Korea ta’ Fuq iddeċidiet li ma tippermettix aktar ir-rappreżentanza ( u spetturi) tal-International Atomic Energy Agency (IAEA) f’artha  — u bil-konsegwenza li l-aġenzija, illum, qed tiddependi fuq il-filmati miġbudin bis-satellita biex tagħmel il-kalkoli u tevalwa s-sitwazzjoni fl-Istat komunista.

Intant, hemm sinjali ta’ ‘attività partikulari’ mill-kumpless ta’ Yongbyon li jinkludi r-reattur  — u meta l-kumpless jibqa’ ‘pedina importanti’ fil-programm nukleari tar-reġim komunista fi Pyongyang.

Is-sinjali tal-attivà mir-reattur huma l-ewwel ta’ dan it-tip minn Diċembru tal-2018 u meta l-kumpless ta’ Yongbyon ilu żmien segwit mill-esperti li qed jippruvaw jikkalkulaw l-ammont preċiż ta’ armi (nukleari) għall-qerda tal-massa li kapaċi jipproduċi r-reġim Korean komunista immexxi minn Kim Jong-un.

Intant, l-IAEA ħarġet ukoll b’aktar dettalji dwar laboratorju tar-radjukimika (fl-istess kumpless) li qed jipproċessa mill-ġdid il-fuel nukleari ‘skadut’ u li ilu minn Ġunju suġġett għall-osservazzjoni tal-aġenzija.