Lokali

Kumpanija Maltija hija Sponsor Ewlieni tal-Kampjonati Ewropej taċ-Ċikliżmu

Il- kumpanija Maltija Umana Medical qed tipprepara biex tagħmel id-debutt tagħha fid-dinja taċ-ċikliżmu matul il-UEC Road Championships – Trentino 2021, li se jseħħu fi Trento fl-Italja bejn it-8 u t-12 ta’ Settembru 2021.

Il-kumpanija li tispeċjalizza f’teknoloġija medika u li għandha l-uffiċċju prinċipali tagħha f’Malta, hija waħda mill-premium sponsors għal din l-attività fi Trento fejn ftit jiem oħra se jikkompetu aktar minn 800 atleta minn 50 pajjiż differenti. Il-parteċipanti jinkludu wħud mill-aqwa ismijiet mid-dinja taċ-ċikliżmu, fosthom l-istilla riċenti tal-isport, Tadej Pogačar.

Umana Medical se tkun involuta direttament fuq ir-rotta: fil-fatt il-kumpanija se tipprovdi lil uħud mill-atleti bil-prodott tagħha Umana T1, sistema avvanzata ta’ monitoraġġ li tgħinhom jikkalkulaw il-parametri vitali u l-prestazzjoni tagħhom matul it-tlielaq.

Umana T1 huwa monitor mhux invażiv li juża nanoteknoloġija ultra-irqieqa biex jirreġistra informazzjoni essenzjali bħall-frekwenza tal-polz, il-varjabilità respiratorja u l-pressjoni tad-demm matul l-attività fiżika tal-atleti.

Adrian Attard Trevisan id-Direttur Maniġerjali għal Umana Medical saħaq li jinsabu tassew onorati li jistgħu joffru s-soluzzjoni innovattiva għall-monitoraġġ tal-kundizzjonijiet fiżiċi tal-atleti f’ħin reali matul it-tlielaq. Din it-teknoloġija se tgħin lill-atleti biex ikunu jistgħu janalizzaw il-valuri tagħhom u b’hekk jottimizzaw il-prestazzjoni tagħhom.

Umana Medical tagħmel parti minn Gpi Group, grupp internazzjonali li jispeċjalizza f’teknoloġija għall-kura tas-saħħa b’uffiċċju prinċipali fi Trento. “Teżisti rabta doppja bejn Gpi Group u l-Kampjonati Ewropej taċ-Ċikliżmu 2021,” spjega Fausto Manzana, fundatur u direttur tal-Grupp. “It-tnejn għandna l-għeruq tagħna fil-belt ta’ Trento, u l-impenn tagħna għall-innovazzjoni sanitarja hija l-istess bħal dak tal-atleti professjonisti li tant jaħdmu biex jilħqu l-aqwa prestazzjoni tagħhom.”

Fabio Rossi, direttur ta’ Gpi Group temm jgħid li bis-soluzzjonijiet tagħhom se jgħinu lil eluf ta’ persuni ta’ kuljum biex jgħixu ħajja aħjar u jilħqu tragwardi ġodda. “Aħna nixtiequ ngħaddu din l-enerġija u determinazzjoni lill-atleti li qed jipparteċipaw f’dan l-avveniment tant important.” “Permezz ta’ din il-kollaborazzjoni strateġika aħna nixtiequ nispiraw lill-atleti professjonisti u dilettanti, kif ukoll lill-entużjasti kollha ta’ dan l-isport madwar id-dinja.”