Internazzjonali

L-aħħar żviluppi fl-Afganistan: Tensjoni kbira qabel il-jum finali tal-evakwazzjoni

Il-militar Amerikan fl-Afganistan kompla jżid il-miżuri tas-sigurtà fl-ajruport ta’ Kabul u l-madwar, meta l-evakwazzjoni tan-nies minn dan il-pajjiż dieħla fl-aħħar sigħat qabel id-deadline miftihem ( li jagħlaq għada) mal-militanti tat-Talibani li reġgħu ħadu r-riedni tal-pajjiż wara 20 sena.

Intant, għad hemm tensjoni kbira fl-ajruport internazzjonali ta’ Hamid Karzai, bil-qawwiet Amerikani li fadal qed jagħmlu li jistgħu biex jimminimizzaw it-theddida min-naħa tat-terroristi — b’mod partikulari l-membri ta’ fergħa li sseparat mill-ISIS u li jiem ilu kienu responsabbli għal attakk li ħalla għexieren ta’ mejtin u midruba f’sezzjoni tal-ajruport.

Aktar kmieni llum, il-militar Amerikan irnexxielu jinterċetta numru ta’ rokits li kienu sparati lejn l-ajruport internazzjonali f’Kabul, bl-ebda waħda mill-missili ma tolqot il-mira.

Aktar tard , il-fergħa Afgana tal-ISIS – magħrufa bħala IS-K – assumiet responsabbiltà għall-isparatura waqt li ppruvat tinsisti ( fuq il-media soċjali) li l-attakk ‘kien irnexxa’ minkejja l-provi li wrew bil-kontra.

Intant, l-Amerikani ilhom il-jiem jistennew attakki simili, minn żmien għal żmien, u ma jeskludux li l-aħħar sigħat tal-evakwazzjoni kapaċi jkunu karatterizzati b’attentati ġodda min-naħa tat-terroristi.

Fl-istess ħin, il-White House f’Washington għamilha ċara li l-ebda attakk mhu se jwaqqaf il-missjoni għall-evakwazzjonijiet minn Kabul li għandha tagħlaq kapitlu karatterizzat mill-preżenza fit-tul tal-qawwiet barranin fit-territorji Afgani.

Waqt li qed tkompli l-aħħar fażi tal-evakwazzjoni minn Kabul, għaddejja wkoll, bhalissa, investigazzjoni dwar il-qtil ta’ għaxar ċivili Afgani, inklużi tfal, minn drone li l-Amerikani użaw nhar il-Ħadd biex iwaqqfu aggressur suwiċida li kien qed iħejji attakk fuq l-ajruport. Sadanittant, il-kelliema għat-Talibani fl-Afganistan, b’referenza għall-azzjoni bid-drone, akkużaw lill-qawwiet Amerikani dwar aġir illegali f’art li mhix tagħhom.

Fl-istess ħin, ħadd ma jiddubita l-probabbiltà kbira ta’ attakki suwiċida ġodda mill-ISIS fuq l-ajruport ta’ Kabul, minfejn  spiċċaw evakwati mal-120,000 persuna mindu t-Talibani ħatfu l-kontroll tal-kapitali Afgana.

Min-naħa tagħha, in-Nazzjonijiet Uniti wissiet li l-Afganistan qed jara biss il-bidu ta’ kriżi umanitarja fuq livell katastrofiku u li s-sitwazzjoni mistennija tiggrava ladarba jieqfu l-airlifts internazzjonali minn Kabul.

Kelliema għan-Nazzjonijiet Uniti qalu li d-dinja trid tara aktar xeni ta’ biża’ u disprament fost l-Afgani u li wasal iż-żmien biex il-komunità internazzjonali timpenja ruħha biex tgħin lill-miljuni tar-refuġjati li qed jirriżultaw minn din il-kriżi.

Fil-preżent, mat-3.5 miljuni fost id-39 miljun residenti tal-Afganistan huma kostretti li jgħixu bħal refuġjati.

Intant, Filippo Grandi, bħala l-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati, qed iħeġġeġ biex il-pajjiżi tad-dinja jkomplu jagħtu appoġġ sinifikanti lill-programmi umanitarji u ta’ fejda u li minnhom jistgħu jibbenefikaw numru akbar ta’ Afgani.