Lokali

L-attakki b’siti elettroniċi foloz “huma ta’ tħassib” – The Malta Independent

L-attakki riċenti b’siti elettroniċi foloz, taparsi ta’ kmamar tal-aħbarijiet lokali, huma ta’ tħassib. U wieħed jittama li l-Korp tal-Pulizija għandu r-riżorsi kollha meħtieġa biex jittraċċa lil min ivvintahom, iżda wkoll lil min qed jiffinanzjahom.

Dan kien il-messaġġ li twassal fl-Editorjal ta’ The Malta Independent wara l-aħħar żviluppi dwar attakki malizzjużi li qed joħorġu minn siti foloz tal-aħbarijiet li nħolqu fl-aħħar jiem.

Fil-mira ta’ dawn il-persuni kien hemm is-siti elettroniċi ta’ NET News, ta’ Newsbook, ta’ Lovin Malta u ta’ Manuel Delia, fost oħrajn. Fihom ittellgħu aħbarijiet foloz, partikolarment fil-konfront tad-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, li hu wkoll l-Avukat tal-familja Caruana Galizia… u anke dwar Melvin Theuma, il-middleman fl-assassinju tal-ġurnalista.

Għall-ġurnal, din is-sitwazzjoni hi waħda serja ħafna u li jinstab min huma n-nies wara dawn is-siti foloz għandha tkun ta’ prijorità assoluta għall-Pulizija. Dan aktar u aktar meta l-attakki qed isiru daqstant qrib elezzjoni ġenerali. L-Editorjal tal-Independent jgħid li dawn l-attakki jkomplu jtappnu r-reputazzjoni ta’ pajjiżna.

Għaldaqstant, il-ġurnal appella lill-qarrejja biex joqgħodu attenti, meta jkunu referuti għal xi sit elettroniku, u jaraw li l-indirizz ikun dak ġenwin. Għax l-indirizzi tas-siti l-foloz jista’ jkollhom varjazzjoni żgħira u jista’ jkun li jħawwad lill-viżitatur.