Investigazzjoni konġunta bejn il-Pulizija tad-Distretti tal-Qawra u Tas-Sliema b’rabta ma’ żewġ serqiet, wasslet għall-arrest ta’ raġel ta’ 32 sena residenti l-Floriana.
L-ewwel serqa saret fl-24 ta’ Mejju minn stabbiliment fil-Qawra. Il-pulizija ġew infurmati għall-ħabta tat-15:00, li persuna mhiex magħrufa serqet Ipad.
L-għada, għal xi l-erbgħa neqsin kwart ta’ waranofsinhar, il-pulizija ġew infurmati li seħħet serqa simili ta’ Ipad, din id-darba minn stabbiliment f’Tas-Sliema.
Wara li ġew elevati filmati minn kameras tas-sigurtà tal-ħwienet, il-pulizija stabilixxew l-identità tal-allegat ħalliel, li fiż-żewġ każijiet, kien l-istess wieħed. Għaldaqstant, saret tfittxija għalih u kien arrestat ilbieraħ.
Ir-raġel qiegħed jinżamm fil-lockup fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, il-Floriana, u mistenni jitressaq il-Qorti dalgħodu quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Ian Farrugia, għall-ħabta tal-10:30.
//= $special ?>