Lokali Qorti

Sitt xhur ħabs wara li ħarab mill-kustodja tal-Pulizija

Raġel ta’ 31 sena mill-Bangladesh ġie kundannat sitt xhur ħabs wara li ammetta quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia li ħarab mill-kustodja tal-Pulizija waqt li kien fi triqtu mill-kwartieri ġenerali tal-Pulizija lejn iċ-ċentru ta’ detenzjoni f’Ħal Far.

Mofi Kazi ammetta li wettaq dan ir-reat nhar il-Ħadd li għadda għall-ħabta tal-11.30a.m. meta kien qed jiġi eskortat mill-vann minn persuni nkarigati mill-kustodja tiegħu. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Doriette Cuschieri. Wara li jiskonta l-perjodu ta’ sitt xhur priġunerija l-Qorti ordnat d-deportazzjoni tiegħu.