Yorgen Fenech li jinsab akkużat li organiżża l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia tressaq il-Qorti għat-tieni darba fi spazju ta’ erba’ t’ijiem fejn ġie mixli b’reati finanzjarji, li jikkonsistu f’ħasil ta’ flus u frodi. Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih.
Yorgen Fenech tressaq quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia fuq akkużi ġodda b’rabta ma’ kumpanija lokali li kien involut magħhom. Skont il-prosekuzzjoni L-azzjoni tal-qorti qed tasal wara investigazzjoni li ilha għaddejja x-xhur mid-Dipartiment tal-Investigazzjoni tal-Kriminalità Finanzjarja.
Fenech ġie mixli b’ħasil ta’ flus u miżapproprjazzjoni ta’ fondi minn kumpanija li għandu ma’ zijuh Ray Fenech. Huwa ġie akkużat ukoll b’approprjazzjoni ħażina għad-detriment ta’ Glimmer Ltd u li ffroda lill-kumpanija għal ammont ta’ aktar minn €5,000. Glimmer Ltd hija proprjetà tal’ kumpanija li fiha Fenech u zijuh Ray Fenech għandhom ishma azzjonarji ugwali.
Aktar tard b’mod separat tressqu erba’ t’irġiel oħra b’relazzjoni mal-akkużi ta’ Yorgen Fenech u li tnejn minnhom kienu ssemmew mis-Supretendent Keith Arnaud f’kawżi oħra li kien hemm chats man-negozjant fejn jinvolvu propjeta u flus abbinati ma’ żwiemel, li f’dan il-każ kienu jirrigwardjaw lil Nicholas Cachia u missieru Joseph Cachia li tressqu wara li tressaq Yorgen Fenech.
Sadanittant tard filgħaxija tressqu wkoll Patrick Demanuele ta’ 44 sena, residenti l-Ħamrun u Anthony Farrugia ta’ 36 sena mis-Swieqi b’akkużi relatati, li wkoll waslu minn data u messaġġi diġitali bejniethom u tersi persuni. Li pparteċipaw f’attività kriminali fosthom minn organiżazzjonijiet finanzjarji. L-erba’ assoċjati kellhom it-talba tagħhom għall-pleġġ miċħuda.
Din hija it-tieni dehra ta’ Fenech fil-qorti fi żmien ta’ anqas minn ġimgħa, wara li nhar il-Ħamis li għadda ġie akkużat bl-importazzjoni illegali ta’ armi. Yorgen Fenech issa qed jiġi akkużat ukoll li b’diversi atti magħmulin minnu għamel atti ta’ ħasil ta’ flus fuq propjetà permezz ta’ attività kriminali.
L-arrest sar fuq informazzjoni ta’ apparat elettroniku fuq numru ta’ messaġġi bejn l-imputat u terzi persuni u dawn jindikaw attivitajiet kriminali li pparteċipa fihom Fenech. Informazzjoni oħra waslet minn entitajiet finanzjarji.
F’maratona ta’ erba;’ sigħat l-ewwel ma tressaq kien Yorgen Fenech, li ġie akkużat b’ħasil ta’ flus, li ħeba l-provenjenza ta’ proprjetà, li kien jaf li ġej minn attività kriminali, u l-użu ta ‘proprjetà akkwistata minn attività kriminali. Fenech huwa akkużat b’kompliċità f’dawn ir-reati taħt l-Att dwar il-Ħasil tal-Flus u l-Kodiċi Kriminali.
Huwa ġie akkużat ukoll b’miżapproprjazzjoni għad-detriment tal-kumpanija Glimmer Ltd u li ffroda lill-kumpanija l-ammont li jaqbeż il-€5,000. Il-maġistrat staqsa x’wassal għall-arrest ta’ Fenech. Il-Prosekuzzjoni tgħid li għandha fil-pussess tagħa dejta elettronika miġbura mill-pulizija f’investigazzjoni separata. Dawn il-messaġġi kienu jittrattaw attività kriminali li tinvolvi partijiet terzi.
L-avukat difensur Charles Mercieca qal li l-messaġġi ilhom sentejn f’idejn il-pulizija. “Ma rridx inpoġġi l-karotta quddiem il-ħmar imma meta wieħed iħares lejn min qed isofri danni f’dan il-każ u x’inhu l-ammont ta ‘danni … wieħed jistaqsi dwar l-urġenza tal-arrest ta’ Fenech,” jgħid Mercieca.
Il-prosekuzzjoni f’dan l-istadju talbet għall-iffriżar tal-assi tal-akkużat. Mercieca minn naħa tiegħu talab lill-prosekuzzjoni tikkwantifika l-ammonti kkontemplati fl-akkużi iżda l-avukat tal-AĠ Cinzia Azzopardi Alamango qalet li l-liġi hija ċara u dan mhux relevanti f’dan l-istadju.
L-Avukat Mercieca jistaqsi wkoll dwar l-ammonti allegatament iffrodati minn Fenech. L-avukat tal-AĠ tgħid li kienu qed jitolbu l-iffriżar tal-assi kollha mhux l-ammont frodat. Mercieca jallega li fl-iżvelar tagħhom, l-ammont kien inqas minn €5,000.
Il-qorti tgħid li dan irid jiġi ttrattat fi stadju aktar tard, mhux waqt il-preżentata. Huwa jħares l-ordni ta’ ffriżar fuq l-assi kollha ta’ Fenech. Mercieca jgħid lill-qorti li fi proċedimenti oħra, propjetà li tifforma parti mill-wirt tal-akkużat, ma ntlaqtitx b’ordni ta’ ffriżar minħabba li ma ġietx mill-allegati atti illegali.
Il-prosekuzzjoni tgħid lill-qorti li jkun ideali li d-difiża tippreżenta din l-ordni tal-qorti minn proċeduri oħra peress li l-avukati involuti huma differenti. F’dan l-istadju, id-difiża tgħid li tirriżerva d-dritt li tressaq kull talba permessa mil-liġi.
Missier u iben mixlija bi frodi relatat ma’ Yorgen Fenech
Wara b’mod separat tressqu ż-żewġt irġiel l-oħra fejn il-prosekuzzjoni qalet li l-arrest tagħhom sar permezz ta’ messaġġi minn apparat teknoloġiku li jagħmlu referenza għall-atti kriminali li qed isiru akkużi dwarhom, li huma relatati ma’ ħasil ta’ flus u miżappropjazzjoni.
Il-Pulizija qalet li kisbet informazzjoni minn banek u entitajiet oħra involuti. Nicholas Cachia ta’ 46 sena residenti ħ’Attard u missieru Joseph Cachia ta’ 67 sena, residenti San Pawl tat-Tarġa wieġbu li mhumiex ħatja. Id-difiża tgħid li fil-konfront ta’ Joseph Cachia toġġezzjona għall-iffriżar tal-assi, imma fuq Nicholas Cachia, qalet li mhux se tikkontesta dan il-fatt.
Saret talba għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużati fejn il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat bil-qawwa kollha għat-talba ta’ ħelsien mill-arrest minħabba l-akkużi ta’ frodi, u ta’ Nicholas Cachia waħdu fuq ħasil tal-flus. Dan ukoll peress li għandhom assi barra mill-pajjiż, inkluż xi żwiemel, u din hi parti mir-raġuni għaliex il-qed topponi t-talba.
Id-difiża staqsiet jekk Joe Cachia spiċċa fil-kredu minħabba WhatsApp chats ma’ terzi persuni li jsemmuh, bl-Ispettur jikkonferma dan il-fatt. Tkompli tistaqsi lill-Prosekuzzjoni jistax jikkonferma li ma kienx hemm flus li daħħal Joe Cachia.
L-Ispettur iwieġeb billi jgħid li ma jistax jgħid li hemm evidenza pożittiva, ċara, imma r-reat qed jiġi investigat, u r-reat ma jitlobx li jiġi indikat b’mod ċar l-ammont. Id-difiża ssemmi każ riċenti ta’ frodi u ħasil tal-flus b’rabta mal-Progress Press, u tgħid li f’dak il-każ ma ġewx iffriżati l-assi tal-akkużati.
Dwar il-pleġġ il-prosekuzzjoni kkonfermat li l-akkużati dejjem ħadu il-police bail dawn ilhom jingħatawh minn Marzu u li Joe Cachia ukoll ingħata ċ-ċans li jsiefer u li dejjem ikkoperaw mal-Pulizija. Ġie kkonfermat ukoll li Joe Cachia dejjem irrisponda għad-domandi li sarulu. Ġie kkonfermat ukoll li Joe Cachia minn jeddu qal lill-Pulizija li għandu tliet iżwiemel tat-tlielaq barra minn Malta.
Il-Prosekuzzjoni qalet ukoll li għad hemm xhieda li jridu jiġu interrogati. “Li nressqu lin-nies għax jissemmew f’chat tal-biża’ qalet id-difiża.” “Sitt xhur ilkom tgħidu li hemm dejta u mobajl u m’hemmx l-iċken prova”, kompliet tisħaq id-difiża.
Id-Difiża tistaqsi wkoll jekk il-mowbajl konċernat, li minnu ttieħdu l-konverżazzjonijiet ta’ WhatsApp, ilu f’idejn il-Pulizija minn Novembru tal-2019. Il-Prosekuzzjoni toġġezzjona għar-relevanza, mentri d-Difiża tibqa’ tinsisti li dan hu relevanti.
“Dan il-mowbajl ġie f’idejk għax tahulek xi ħadd mill-akkużati?” staqsa il-Maġistrat Ian Farrugia. “Il-Prosekuzzjoni twieġeb fin-negattiv u tgħid li l-mowbajl inkwistjoni qatt ma kien f’idu. Il-prosekutur qal li qabel ma kellux għaliex joġġezzjona għall-pleġġ, imma wara s-seduta tal-lum inbidlu l-affarijiet.
Id-difiża argumentat kontra t-talba tal-iffriżar tal-assi u tal-pleġġ taż-żewġ akkużati: Qalet li wieħed mill-akkużati għandu 67 sena, huwa pensjonant, suppost qiegħed rasu mistrieħa fuq l-imħadda u minflok qiegħed spiċċa f’urugan. “Aħna ridna li jiġi evitat li jitressaq bla bżonn.
Mhux talli hekk imma talli qed issir talba biex jiġu ffriżati l-assi tiegħu. Illum, ladarba tissemma, daqshekk. L-Avukat Matthew Brincat wieħed mill-konsulenti legali tad-difiża qal; “allura jekk nissemma x’xi chat jien, iressqu lili?”
Id-difiża qalet ukoll li kien hemm każijiet fejn akkużati ngħataw l-pleġġ fuq allegat ħasil ta’ flus ta’ miljuni ta’ ewro u dawn fuq ftit eluf għandhom jingħataw l-istess trattament. Il-Qorti madankollu ċaħdet it-talba għall-pleġġ.
Wara tressqu żewġt irġiel oħra bil-prosekuzzjoni tikkonferma li dawn ilhom bil-police bail sa mit-3 ta’ Marzu li għadda. L-Avukat Stephen Tonna Lowell qal li Patrick Demanuele ġie arrestat fis-7.30am, u Anthony Farrugia fil-11.30am, fil-ġurnata tat-Tnejn stess u tressqu fis-6.00pm. Mela l-‘police bail’ kien validu biss fuq money laundering. Fuq akkużi oħra ma jistax ikun validu, huwa qal. Il-Qorti kienet infurmata li kienu qegħdin jikkontestaw il-validità tal-arrest.
Dwar l-affidabblità l-Avukat qal li kulħadd jaf li dawn huma nies bil-familja, bit-tfal. Qal ukoll li l-arrest mhux validu peress li nżammu arrestati aktar minn sitt sigħat. Qal li la l-kumpanija Glimmer u lanqas huma m’għamlu qliegħ ta’ 5,000 ewro u dawn huma akkużi vvintati u mhux sew li nies jispiċċaw il-ħabs. Dawn m’għandhomx x’jaqsmu mal-persuni ta’ qabel. Dawn ma ħadu xejn u vvintaw l-akkużi.
L-att tal-akkużi fil-konfront ta’ Fenech rigward l-omiċidju
Aktar kmieni dan ix-xahar, ħarġet l-att tal-akkuża fil-konfront ta’ Fenech fuq l-allegat rwol tiegħu fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Il-prosekutur qed jitlob sentenza ta’ għomor il-ħabs fuq dan il-każ. L-arrest tan-negozjant kien sar f’Novembru 2019 b’rabta mal-qtil li kien wassal għar-riżenja tal-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Joseph Muscat u ċ-Chief if Staff tiegħu Keith Schembri.
Aktar kmieni dan ix-xahar, ħarġet l-att tal-akkuża fil-konfront ta’ Fenech fuq l-allegat rwol tiegħu fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Il-prosekutur qed jitlob sentenza ta’ għomor il-ħabs fuq dan il-każ. L-arrest tan-negozjant kien sar f’Novembru 2019 b’rabta mal-qtil li kien wassal għar-riżenja tal-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Joseph Muscat u ċ-Chief if Staff tiegħu Keith Schembri.
F’isem l-Avukat Ġenerali, l-Prosekuzzjoni hija mmexxija minn Marthese Grech u Cinzia Azzopardi Alamango filwaqt li minn naħa tal-Pulizija l-każ qed jitmexxa mill-Ispettur Brian Paul Camilleri. Għal Fenech qed jidhru l-Avukati Charles Mercieca, Marion Camilleri u Gianluca Caruana Curran. Għal Nicholas u Joseph Cachia deheru l-Avukati Matthew Brincat u Kathllen Calleja Grima. Għal Demanuele u Farrugia deheru l-Avukati Stephen Tonna Lowell u Chris Dalli.
//= $special ?>