Knisja Lokali

“100 sena Inkurunata” – Fl-Isla ċelebrazzjonijiet għall-100 sena anniversarju

Għas-Senglejani l-4 ta’ Settembru ta’ din is-sena għandu tifsira speċjali għax mitt sena ilu fuq ras ix-xbieha qaddisa tal-Bambina tpoġġiet kuruna tad-deheb u ħaġar prezzjuż.

Dan seħħ wara li l-Kapitlu għamel supplika formali lill-Arċisqof Mauro Caruana; dan ġara nhar l-1 ta’ Marzu 1920. Wara saret talba mill-Arċisqof ta’ Malta lill-Papa datata 31 ta’ Marzu 1920, fl-4 ta’ Settembru 1921 saret il-funzjoni, u l-Bambina tal-Vittorja saret l-ewwel statwa tal-gżejjer Maltin li ġiet inkurunata.

Għal din il-festa, f’jum l-4 ta’ Settembru se ssir quddiesa solenni fil-5.30pm, jitkanta Għasar Solenni bis-sehem tal-Kapitlu Senglean bis-sehem tal-Kappella Diacono u wara Pontifikal immexxi mill-Isqof Joseph Galea Curmi Vigarju Ġenerali, bis-sehem tal-Kapitlu Senglean fil-preżenza tan-Nunzju Appostoliku u l-President ta’ Malta u membri distinti oħra.

Għal dan l-anniversarju il-Kumitat eżekuttiv ħaseb ukoll sabiex isiru diversi tifkiriet uffiċjali fosthom: midalja tal-Bronż, Santa bix-xbieha tal-Bambina replika diġitali għal dik li ħarġet mitt sena ilu, CD b’innijiet Marjani, ktejjeb li jirrakkonta l-istorja tal-Bambina “Iċ-Ċkejkna Bambina Tagħna”, pendrive b’diska ġdida “Dawwal Qlubna O Bambina” kompożizzjoni ta’ Mark Spiteri Lucas u kitba tal-awtur Paul Ellul titkanata min Chaira u Ludwig u ktieb kommemorattiv li jfakkar il-mitt sena tal-Inkurunazzjoni.