Lokali Saħħa

3,800 persuna talbu għal għajnuna psikoloġika

Riċerka mir-Richmond Foundation tindika li fl-2021, 33.7% tal-popolazzjoni kienu inkwetati rigward is-saħħa psikoloġika tagħhom, filwaqt li 40.5% tas-soċjeta kienet inkwetata fuq is-saħħa psikoloġika tal-qraba jew ħbieb tagħhom.

Il-Fondazzjoni Richmond fi stqarrija qalet illi d-domanda għas-servizzi tas-Saħħa Mentali komplew jiżdiedu f’kull eta, bil-fondazzjoni tiddikjara li fl-aħħar 18-il xhar, irċievew madwar 3800 telefonata, li juri żieda ta’ madwar 500%. Il-fondazzjoni kompliet biex tgħid li min dawn it-3800 telefonata, 25% komplew jitolbu għal assistenza psikoloġika, li jkompli juri l-istat inkwetanti li diversi persuni qiegħdin jsibu lilhom infushom fih minħabba n-nuqqas ta’ importanza li ingħatat fis-setturi tas-Saħħa Mentali.

Il-Fondazzjoni Richmond iddikjarat li għalkemm il-pandemija tal-COVID-19 naqset l-istigma kontra l-individwi li qiegħdin jsofru min xi tip ta’ problemi psikoloġiċi, l-infrastruttura preżenti biex jiġu mgħejjuna dawn in-nies, mhiex adekwata, hekk kif individwi li għandhom bżonn l-għajnuna psikoloġika qiegħdin jitħallew jistennew għal tul ta’ ħin mingħajr ebda risposta jew assistenza.


Madankollu l-Fondazzjoni Richmond stqarret li hi se tkompli tagħmel l-almu tagħha biex tgħin lil dawn in-nies fil-bżonn billi tkompli toffri servizz tal-helpline li jista jiġi aċċessat bin-numru 1770.