Internazzjonali

Afganistan: Tibda era ġdida tat-Taliban, bl-Istati Uniti ttemm il-preżenza militari wara 20 sena

Il-militar tal-Istati Uniti, fis-sigħat bikrin, ikkonkluda preżenza ta’ 20 sena fl-Afganistan bl-aħħar vjaġġ ‘il barra mill-ajruport internazzjonali ta’ Kabul . Intant  il-militanti Iżlamiċi tat-Talibani ħadu f’idejhom l-ajruport ta’ Kabul ftit wara li ntemmu l-aħħar evakwazzjonijiet, bl-aħħar żviluppi jfissru l-bidu ta’ era ġdida ta’ marka ‘Taliban’ fl-Afganistan.

Filwaqt li t-Talibani ċċelebraw dan ‘it-trijonf’ għal sigħat twal, kollox jindika li t-tensjoni baqgħet akuta fil-madwar tal-ajruport u f’Kabul, b’numru kbir ta’ Afgani li ma rnexxilhomx jitilqu mill-pajjiż qegħdin jgħixu f’biża’ kbir dwar il-futur tagħhom u ta’ uliedhom.

L-ambaxxatur Amerikan kien fost in-nies li qabdu l-aħħar ajruplan ‘il barra mill-Afganistan, bl-uffiċjali f’Washington isostnu li għandha tkompli l-missjoni diplomatika intiża biex tgħin lin-nies li ma setgħux jitilqu mill-Afganistan qabel id-deadline stabbilit ( il-31 ta’ Awwissu).

Intant, l-Afganistan, illum, reġa’ jinsab f’idejn l-istess militanti Iżlamiċi li l-qawwiet barranin taħt it-tmexxija tal-Istati Uniti kienu keċċew minn Kabul, ftit wara l-attakki storiċi ta’ Settembru tal-2001 mit-terroristi tal-grupp al-Qaeda fuq l-ibliet Amerikani ta’ New York u Washington.

L-aħħar sigħat ġabu fi tmiem ukoll l-impenn globali għall-evakwazzjoni mill-Afganistan li kien beda fl-14 ta’ Awwissu malli t-Talibani ħadu r-riedni fil-pajjiż.

Il-kmandant militari ewlieni tal-Istati Uniti fir-reġjun, il-Ġeneral Kenneth McKenzie, qal li l-ajruplani ta’ pajjiżu u tal-koalizzjoni alleata, bħala total, evakwaw ‘il fuq minn 123,000 ċivili mill-Afganistan – li jfisser medja ta’ aktar minn 7,500 ċivili kuljum.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju tal-Istat Amerikan Antony Blinken fisser l-evakwazzjoni bħala ‘impenn storiku minn aspett militari, diplomatiku u umanitaraju’ waqt li sostna li l-missjoni kienet l-aktar waħda diffiċli għall-Istati Uniti fi żmenijiet moderni.

‘Qed naqilbu kapitlu, bil-missjoni militari ( fl-Afganistan) qed tintemm fost it-tħejjijiet għal missjoni diplomatika ġdida’, sostna Blinken.

Antony Blinken qal ukoll li t-Talibani se jkunu ‘taħt il-lenti’ kontinwament u li l-komunità internazzjonali se tiġġudika lill-mexxejja ġodda tal-Afganistan skont il-mod kif huma jirrispettaw l-obbligi lejn il-popolazzjoni.

Dan meta wieħed irid jara kemm iċ-ċivili Afgani, ‘il quddiem, jistgħux jivvjaġġaw b’mod ħieles f’pajjiżhom u ‘il hinn mill-Afganistan, bit-Talibani jeħtieġu li jipproteġu d-drittijiet tal-Afgani kollha – b’mod partikulari n-nisa.

Fl-istess ħin, il-komunità internazzjonali għandha tesiġi mat-Taliban biex l-Afganistan, bl-ebda mod, ma jitħalla jsir mill-ġdid bażi għall-gruppi terroristiċi li qed imexxu ġiħad ( gwerra qaddisa) kontra l-Punent.

Filwaqt li l-Istati Uniti qed tissospendi l-preżenza diplomatika f’Kabul – hi u tittrasferixxi l-operat lejn il-Qatar – l-Amerikani beħsiebhom ikomplu xorta bl-isforzi ħalli jgħinu lill-Amerikani kif ukoll lill-Afgani bil-passaporti tal-Istati Uniti biex jitilqu mill-Afganistan jekk kemm-il darba dawn ikunu jridu.

Intant, it-Talibani qed jikkonsolidaw posthom fl-ajruport ta’ Kabul – b’numru ta’ militanti  jidhru lebsin l-uniformijiet tal-militar Amerikan huma u jaċċertaw is-sigurtà fl-ajruport u l-madwar.

Fl-istess ħin, l-Istati Uniti baqgħet ma spjegatx iċ-ċirkustanzi ta’ attakk bi drone ( tal-Amerikani) fuq suspettat aggressur suwiċida fl-Afganistan u li rriżulta f’diversi ċivili maqtula. Fost il-vittmi tad-drone kien hemm numru ta’ tfal u raġel li kien jaħdem bħala interpretu mal-qawwiet Amerikani fl-artijiet Afgani.

Il-qraba tal-vittmi qalu li l-attakk – li kkonċentra fuq karozza viċin l-ajruport ta’ Kabul — kien ibbaża fuq informazzjoni qarrieqa, waqt li l-Pentagon f’Washington, bħalissa, qiegħed jinvestiga r-rapporti relatati mal-każ.