Mingħajr ġurnalisti u attivisti ħielsa, ma tistax teżisti demokrazija. Attakk fuq il-ġurnalisti huwa attakk fuq id-demokrazija.
Dan kien is-sentiment li ħareġ fi protesta organizzata mill-għaqda Repubblika, occupyjustice u manueldelia.com. Protesta li saret fid-dawl ta’ diversi attakki ta’ diżinformazzjoni u fake news minn taparsi portals tal-aħbarijiet, ġurnalisti individwali kif ukoll politiċi. Fost dawk fil-mira ta’ dawn is-siti foloz kien hemm ukoll is-sit ta’ Net News u l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech.
Fid-diskors tiegħu Manuel Delia qal li huwa dmir tal-Istat Malti li jiġġroteġi lil dawk li jikxfu l-verità. Il-Prim Ministru Robert Abela jrid ikun responsabbli wkoll għall-għemil tal-Ministri u d-Deputati tiegħu kif ukoll għall-media tal-Partit Laburista. Huwa żied jgħid li għandu jitwaqqaf minnufih l-assalt fuq il-kelma ħielsa u fuq id-demokrazija.

Min-naħa tagħha, Louiselle Vassallo minn Occupy Justice saħqet li meta l-fatti jiġu mgħawġa, tkun qed tiġi mhedda d-demokrazija. Hija qalet li huwa dritt tal-ġurnalisti u tal-attivisti li jkollhom aċċess għall-informazzjoni. Louiselle Vassallo qalet li kienet tistenna li ssir kundanna minn kull Deputat tal-Gvern kif ukoll mill-Awtorita tax-Xandir għall-attakki li saru fuq il-media.
Immanuel Mifsud President ta’ PEN Malta saħaq li dak li qed iseħħ huwa forma oħra ta’ ċensura fejn qed jitħarsu l-interessei ta’ ċerti persuni. Huwa appella lill-mexxejja tal-pajjiż biex jaħdmu sabiex il-libertà tal-kelma tkun dritt assolut.
Min-naħa tiegħu l-President tal-għaqda Repubblika Robert Aquilina sostna li l-poplu Malti għandu jkun infurmat b’mod sħiħ, hekk kif mingħajrġurnalisti l-pajjiż ma jkunx wieħed demokatiku. Huwa qal li ma jistax ikun li l-Istat jibqa’ jibgħat messaġġi li jħawdu l-imħuħ. Aquilina żied jgħid li l-kultura ta’ intolleranza lejn ġurnaliżmu ħieles trid tispiċċa darba għal dejjem.

Il-protesta kienet appoġġjata mill-kmamar tal-aħbarijiet ta’ Newsbook, The Malta Independent, Illum, Net News, Maltatoday, 4Malta.tv u Sidestreet. Jappoġġjawha kien hemm ukoll l-NGO’s: KSU, SOS Malta, Aditus Accessing Rights, PEN Malta, u Malta Women’s Lobby Preżenti għal din il-protesta kien hemm is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino kif ukoll diversi Deputati u esponenti tal-Partit Nazzjonaslista.
