Għaddew 24 sena mindu l-Prinċipessa Diana ta’ Wales tilfet ħajjitha f’inċident bil-karozza taħt mina fil-belt ta’ Pariġi, fi Franza.
Il-Prinċipessa – l-omm tal-Prinċep William, id-Duka ta’ Cambridge u tal-Prinċep Harry, id-Duka ta’ Sussex – kien għad għandha biss 36 sena meta messa dan id-destin kiefer fil-31 ta’ Awwissu tal-1997.
Intant, ftit tal-ġimgħat ilu, ulied Diana inawguraw statwa ġdida ddedikata lil ommhom u li jistgħu jmorru jarawha n-nies. L-istatwa tinsab fil-Palazz ta’ Kensington, f’Londra, u fl-aħħar sigħat saru l-arranġamenti speċjali biex il-pubbliku jingħata aċċess għal dan is-sit f’jum l-anniversarju tat-telfa ta’ Diana.
Sa ftit ilu, is-sit kien aċċessibbli biss għall-pubbliku bejn l-Erbgħa u l-Ħadd bħala parti mill-miżuri tas-sigurtà fid-dawl tal-pandemija.
Intant, il-Prinċep William u martu Kate, id-Dukessa ta’ Cambridge, qed ifakkru dan l-anniversarju fil-privat waqt li akkumpanjati minn uliedhom ċkejknin — il-Prinċep George, il-Prinċipessa Charlotte and l-Prinċep Louis.
Dan meta l-ammiraturi tal-Prinċipessa Diana madwar id-dinja mistennija jiddedikaw ħin lill-memorja tagħha permezz ta’ vejl u avvenimenti oħra ta’ tifkira.
Magħrufa bħala ‘il-Prinċipessa tal-Poplu’ wara snin ta’ ħidma karitatevoli u umanitarja, Diana baqgħet imsemmija wkoll għad-devozzjoni tagħha lil uliedha. Dan waqt li hi anki attirat attenzjoni globali fiż-żmien meta kien falla ż-żwieġ tagħha mal-Prinċep Charles – l-eredi għat-tron tal-Ingilterra.
//= $special ?>