Tkompli toħroġ fid-deher il-qasma bejn esponenti tal-Partit Laburista dwar l-iżvilupp massiċċ ta’ Marsaskala.
Din id-darba kien imiss lis-Sindku tal-lokalità ta’ Marsaskala Mario Calleja li ħadha kontra d-Deputat Laburista Jean Claude Micallef tant li sejjaħlu “pulċinell”.

F’post fuq Facebook Calleja qal li Micallef qed jigdeb fuqu sfaċċatament biex mingħalih jidher ħelu ma xi wħud. is-Sindku qal li l-kritika kustruttiva qatt ma dejqitu anzi dejjem tgħallem minnha, iżda lbieraħ titfacca intervista tal-Membru Parlamentari Laburista Jean Claude Micallef fuq ġurnal lokali fejn qal li fil-Kunsill ta’ Marsaskala nħoloq Sotto Kumitat minn wara dahar il-Kunsilliera.
Filwaqt li Mario Calleja giddbu pubblikament, ċaħar kategorikament u bil-qawwa kollha li dan mhux minnu. Filfatt esebixxi parti mill-minuti ta’ laqgħa numru 15 li saret f’Awwissu tal-2020.

Huwa temm il-post tiegħu hekk: “Jean Claude, jekk taħseb li l-politika tat-taħwid u gideb se tmexxik ‘il quddiem sejjer wisq żbaljat.”
Din mhix okkażjoni iżolata fl-aħħar jiem fejn rajna kandidati u esponenti tal-Partit Laburista, Deputati, Sindki u kunsillieri joħduha apertament kontra xulxin – kollu frott tat-tensjoni li ħoloq Robert Abela bil-pjan tiegħu li jħabbar elezzjoni bikrija f’Novembru.