Ekonomija Lokali

L-imsieħba soċjali jridu reviżjoni tal-COLA

F’temp ta’ sitt ġimgħat oħra l-Ministru tal-Finanzi se jressaq il-Budget għas-sena 2022 – l-aħħar budget qabel l-elezzjoni ġenerali li jmiss.

Bla dubju ta’ xejn li ħafna bħalissa qed jistaqsu kemm se tkun iż-żieda għall-għoli tal-ħajja hekk kif f’dawn l-aħħar ġimgħat kien hemm żieda sostanzjali fil-prezz tal-affarijiet bażiċi ta’ kuljum li qed taffetwa il-qagħda finanzjarja ta’ diversi familji Maltin u Għawdxin.

F’laqgħa tal-MCESD li saret it-Tlieta filgħodu,  il-unions u l-Imsieħba Soċjali ppreżentaw il-proposti tagħhom għall-Budget tas-sena d-dieħla. Fost dawn il-proposti hemm l-enfasi biex pajjiżna jkollu governanza tajba, ikun hemm bilanc fir-riżorsi li għandu l-pajjiż kif ukoll l-benesseri soċjali tal-persuni. Proposti oħra kienu li jkun hemm tnaqqis fit-taxxa sabiex jittaffa l-impatt tal-pandemija tal-COVID kif ukoll reviżjoni ta’ kif tinħadem il-COLA – il-famuża żieda għall-għoli tal-ħajja.

Fil-budget li għadda ż-żieda fl-għoli tal-ħajja kienet dik ta’ 1.75ċ… fost l-inqas f’dawn l-aħħar tmien snin.

Net News saqsa lill-imsieħba soċjali x’għadhom ikunu l-prijoritajiet fil-Budget għas-sena d-dieħla.

Joe Farrugia mill-MEA qal li bħalissa l-prijorità hija li terġa’ tkun stimolata l-ekonomija, nirkupraw mill-COVID kemm jista’ jkun malajr u niffaċċjaw il-konsegwenzi tal-FATF

Min-naħa tiegħu, Joe Muscat mill-GTA qal li ovvjament li l-prijorita tingħata lis-sitwazzjoni tal-pandemija.

Min-naħa tagħha, Abigail Mamo, il-Kap Eżekuttiv taċ-Chamber tal- SME’s fakkret li din is-sena ma kinitx waħda faċli għan-negozji.

“Naħsbu li l-ekonomija qiegħda fi stadju li trid terġa’ tikber u allura rridu nixprunaw lin-negozji biex jgħinu lill-ekonomija tikber għax in-negozji jkabbru l-ekonomija u fuqhom l-impjiegi jiddependu.

Il-laqgħa tal-MCESD kienet indirizzata mill-Ministru tal-Finanzji Clyde Caruana illi fid-diskors tiegħu m’għamel ebda referenza għat-tbatija li għadejjin minnha diversi familja kawża tal-għoli tal-ħajja.

Fl-istess waqt, il-Ministru Caruana ammetta li pajjiżna għandu bżonn inaqqas id-defiċit hekk kif dan issa jlaħħaq il-1.6 biljun ewro.

“Irridu nibdew inniżżlu d defiċit tal pajjiż.

Il-Gvern fl-ebda ħin għadu ma qal kemm se tkun iż-żieda tal-COLA għas-sena li ġejja.