Lokali Qorti

Mixli bi vjolenza domestika fil-konfront ta’ ommu u oħtu

Raġel ta’ 40 sena li jgħix ma’ ommu Ħaż-Żabbar, anke jekk qal li għandu residenza l-Fgura u li għandu problema ta’ droga u alkoħol ġie mixli quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras li wettaq vjolenza domestika fil-konfront ta’ ommu u oħtu. Huwa nżamm arrestati wara li d-difiża m’għamlitx talba għal libertà proviżorja.

L-Ispettur Eman Hayman li ressaq lir-raġel qal li nhar it-Tnejn li għadda l-inċident skala tant li wassal lil ommu u lil oħtu biex imorru d-depot u jagħmlu rapport. Tenna li dan l-inċident kien jagħmel part minn sensiela ta’ inċidenti li jinkludi swat u ħsara fid-dar.

Tenna li l-akkużat kien ilu fis-sakra sa minn ġurnata qabel u li beda jipprovoka lill-allegati vittmi. Hayman qal li oħtu għandha indirizz ieħor iżda matul il-ġurnata tkun dejjem għand ommh. Sadanittant ir-raġuni li ma sarux rapporti qabel huwa minħabba l-fatt li kien bil-pleġġ fuq każ ieħor, u għalhekk ma sarx rapport biex ma jtellfulux il-ħelsien mill-arrest.

Huwa ġie mixli li wettaq dawn ir-reati nhar it-Tnejn li għadda u fil-ġranet u l-ġimgħat ta’ qabel uża vjolenza, inkluża vjolenza morali u psikoloġika. Ir-raġel, qalet il-prosekuzzjoni kien ibeżża’ lill-allegati vittmi wkoll bil-komportament tiegħu fejn anke kien jitlobhom xi flus.

Huwa ġie mixli wkoll li nsulenta lil ommu u oħtu bil-kliem, li nġurjahom u heddidhom b’mod li ħareġ il-barra mill-limiti tal-provokazzjoni, li mingħajr ma darab jew sawwat lil ommu u lil oħtu qabad oġġetti sabiex iħebb  għalihom bħal siġġijiet u oġġetti iebda oħra u li kiser il-paċi pubblika.

Huwa ġie mixli wkoll li kiser il-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja. U saret talba li kienet milqugħa biex tinħareġ ordni ta’ protezzjoni fil-konfront ta’ ommu u oħtu, kif ukoll il-familjari tagħhom. Għall-akkużat deheret l-avukat Yanika Bugeja.