Ambjent Lokali

PN Greens: Jitwaqqaf ‘working group’ ġdid dwar l-ambjent

Il-Kap tal-PN Bernard Grech illum waqqaf dak li qed jissejjaħ ‘PN Greens’ – grupp ta’ azzjoni li se jkun immexxi mill-kandidata Janice Chetcuti, u li se jiffoka fuq il-politika ambjentali tal-Partit Nazzjonalista.

Bernard Grech ħabbar dan waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata dalgħodu, flimkien mal-istess Janice Chetcuti flimkien mas-Segretarju Ġenerali tal-PN Michael Piccinino.

Bernard Grech tenna li dan il-grupp se jkun qed juri biċ-ċar illi “flimkien kapaċi nagħmlu d-differenza”. U insista li Gvern ġdid Nazzjonalista mmexxi minnu se jkun qed jagħmel dak kollu li m’għamilx il-Gvern Laburista fi 8 snin.

“Għalina l-ambjent mhux afterthought, l-ambjent mhux xi ħaġa li nitkellmu fuqu biss għall-konvenjenza, imma li dwaru nieħdu azzjoni, aħna nemmnu li l-bniedem ma jgħix biss bil-flus, imma billi jkollu wkoll kwalità ta’ ħajja, serħan tal-moħħ, li jkun jista’ jaħdem, igawdi u jrabbi l-familja, imma dan jagħmlu b’mod b’saħħtu. Jien irrid nies li mhux biss jeżiżtu imma jgħixu, li wieħed jgħix seren, li wieħed igawdi l-ambjent tagħna, li jmur jimxi qalb in-natura mingħajr ħadd ma jwaqqfu”

Bernard Grech tenna li l-PN għandu għal qalbu l-ambjent u l-pjasaġġ Malti, u il-PN se jkun qed iniedi proposti li se jkunu qed isaħħu dan is-settur u jħarsu mhux biss l-ambjent tal-lum, imma anki l-ambjent t’għada.

Janice Chetcuti qalet l-grupp PN Greens se jiġbor flimkien individwi li jridu l-aħjar għas-settur ambjentali, kif ukoll persuni li ġejjin minn setturi differenti tas-soċjetà.

Ejja niffukaw li din il-ġimgħa, li aħna se nibdew il-bidla li tant nixtiequ… agħmlu kuntatt magħna fuq l-email address greens@pn.org.mt, agħtina l-kontribut tiegħek, ħalli int ikollok is-sodisfazzjon li int ħdimt għall-bidla li tant tixtieq”

Michael Piccinino qal li l-PN se jibqa’ miftuħ għal kull min irid jikkontribwixxi, sabiex f’pajjiżna verament nagħmlu l-bidla li jeħtieġ issir f’pajjiżna.

Il-bidla tiġi biss jekk intom tingħaqdu magħna, u tgħinuna, il-PN jibqa’ kommess li jilqa’ lil dawk kollha li jixtiequ jikkontribwixxu għal din il-bidla.