Rapport mid-ditta Deloitte li kien ippubblikat ftit tas-snin ilu jikkonferma li jekk issir Yacht Marina f’Marsaskala din se tkun qed tħalli impatt negattiv fuq il-karatteristiċi tal-bajja.
Dak iż-żmien l-Awtorità tal-Ippjanar kienet qalet li hija improbabbli li ssir marina f’dik iz-zona u li minn 18-il zona li kienet kkunsidrata, 9 minnhom, inkluż ta’ Marsaskala, kienu esklużi minħabba li mhux se tkun vijabbli kemm fuq aspett ekonomiku u kif ukoll minħabba l-impatt ambjentali li din se tkun qed tħalli.
Ir-rapport jgħid iżda li jaf ikun hemm aspett pożittiv mill-marina, uħud mir-raġunijiet huma, li hemm baħar li ma tantx hu fond, li jinsab ferm viċin ix-xatt u li hemm għadd ta’ bars u ristoranti.
Madankollu hemm lista oħra ta’ żvantaġġi li jaf ikun hemm fuq iz-zona, fosthom l-impatt tar-riklamazzjoni tal-art fuq l-ekosistema, iċ-ċirkulazzjoni tal-baħar, u kif ukoll li l-karateristiċi li jagħmlu lil din il-bajja sabiħa, se jkunu qed jinqerdu.
Infatti r-rapport għalaq li l-bajja ta’ Wied il-Għajn hija bajja sabiħa, b’atmosfera sabiħa, iżda li għandha potenzjal limitat jekk isir żvilupp ta’ marina fiha.
Dwar dan il-proġett, il-Kap tal-PN Bernard Grech kien ċar ħafna – Gvern ġdid Nazzjonalista jirtira l-pjan ta’ Robert Abela.
//= $special ?>