Il-Prim Ministru Robert Abela dalgħodu ma kienx kapaċi jwieġeb domanda sempliċi dwar il-pressjoni li qed issir biex isejjaħ elezzjoni ġenerali bikrija. F’konferenza tal-aħbarijiet minn Kastilja, Abela wieġeb biss li se jressaq il-Budget u jrid jimplimentah. U imkien ma qal jekk l-implimentazzjoni tal-Budget hux se ssir qabel jew wara Elezzjoni Ġenerali.
Filwaqt li baqa’ jirrepeti kemm hu “kburi”, Robert Abela baqa’ jaħrab milli jwieġeb diversi domandi diretti mill-ġurnalisti rigward elezzjoni ġenerali bikrija. U deher skomdu ħafna għall-mistoqsijiet persistenti li sarulu.
Mistoqsi ukoll jekk Joseph Muscat hux se jkun kandidat Laburista għall-elezzjoni, Abela anke dwar dan baqa’ ma weġibx. Qal biss “dan suġġett magħluq”, tant li qed jinsisti illi jibqa’ ma jiċħadx lil Joseph Muscat.
Il-Ħadd, diversi ġurnali rrappurtaw il-fatt li Abela jinsab f’nofs battalja fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista b’diversi fazzjonijiet iridu li ssir elezzjoni malajr, minħabba li Ministri, deputati u kandidati spiċċaw joħduha kontra xulxin fuq diversi suġġetti jaħarqu.
Analisti politiċi qed jgħidu li din l-attitudni tal-Prim Ministru Robert Abela qed toħloq aktar inċertezza, f’mument meta Malta għandha bżonn direzzjoni ċara f’dan il-perijodu tranżitorju wara d-daqqa tal-Covid-19…u hekk kif pajjiżna jrid jiġġieled l-effetti tal-greylisting u joħroġ malajr minn din il-Lista l-Griża.
Dwar il-marina ta’ Marsaskala
Il-Prim Ministru, intant, baqa’ jiddefendi l-proposta li jsir il-proġett massiċċ ta’ marina f’Wied il-Għajn.
Hu qed jinsisti li din il-marina se ssebbaħ iz-zona u qal li “ma nistgħux ngħidu le għal kollox”.